Instab mejjet l-għaddas li fl-aħħar 24 siegħa kien imfittex mill-Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fl-inħawi tax-Xatt ta’ Buġibba, il-gżejjer ta’ San Pawl u l-Imġiebaħ.
Christian Degabriele li għandu 35 sena, kien miż-Żejtun iżda kien joqgħod Ħal Għaxaq. Huwa kien suldat fi ħdan l-istess Forzi Armati ta’ Malta u kien stazzjonat fis-sezzjoni Marittima tal-Armata.
Huwa kien missier ta’ tifla, fejn wara t-tħabbira ta’ mewtu ġiet deskritta minn bosta l-għożża li kellu għal martu u għal bintu, b’imħabba kbira lejn il-futbol u kif ukoll anki għall-għawm fil-baħar.
Chris Degabriele kien ukoll plejer mat-tim ta’ Paola Kordin, immexxija mill-kowċ Jonathan Scerri fejn emozzjonat iddeskriva magħna lil Chris. Persuna li kien jaf jgħin, u li miegħu kien iqatta’ s-sigħat jitkellem.
“Christian kien raġel tajjeb ħafna, qalbu tad-deheb, ikollok bżonn xi ħaġa jgħinnek żgur. Ma nafx kif se naċċettaw li mhux se narawh aktar magħna.
Kellu l-ewwel il-familja, il-futbol u l-għawm, mur obsor, li llum kelli niġi hawn nagħmillu dan il-messaġġ, fil-post fejn kien jilgħab, jieħu gost. Faċċata qed nara ‘l dik il-lasta, kemm kien jiskurja f’dik il-lasta!”
Tkellimna wkoll ma’ Clayton Scerri li kien jilgħab ma’ Chris. Magħna qal li Degabriele kien jagħmel mill-aħjar biex anki jgħolli l-moral tal-iskwadra fl-aktar mumenti iebsa.
“Xokk. Lanqas nista’ nemmen li għall-istaġun li ġej Chris mhux se jkun magħna. Min jobsor li mhux se terġa’ tarah.”
Sorsi ta’ Net News qalu li flimkien ma’ Degabriele kien hemm fizjal li kien qed jogħdos miegħu. Huma t-tnejn kienu qed jogħdsu bin-nifs u kien sieħbu li talab għall-għajnuna tal-Forzi. Mhux qed ikun eskluż li l-għaddas intlaqat minn xi dgħajsa dan hekk kif jidher li l-ħabel tal-baga nstab maqtugħ.
L-ewwel talba għall-għajnuna daħlet għall-ħabta tal-5.30pm tal-Ħamis, bit-tfittxija ddum sa tard bil-lejl u ssoktat kmieni l-Ġimgħa filgħodu fl-inħawi tal-gżejjer ta’ San Pawl u l-Imġiebaħ. It-tfittxijiet kienu qed isiru kemm permezz tal-baħar u kif ukoll permezz tal-ajru.
Il-katavru tal-vittma nstab għall-ħabta tad-8.45am. Huwa ttella’ l-art fil-Bażi Marittima f’Xatt it-Tiben fil-Floriana. Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ħatret bosta esperti biex jgħinuha.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar il-każ, b’sorsi jindikawlna li fiz-zona tal-gżejjer ta’ San Pawl hemm diversi cameras ta’ Transport Malta u fis-sigħat li ġejjin se jkunu qed jiġu analizzati l-filmati tas-CCTV.
//= $special ?>