Knisja Lokali

AĠĠORNATA: Fr Luke Seguna jħossu ma jiflaħx fl-Awla u jittieħed l-Isptar

Iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih

Għall-ħabta tal-11.30 ta’ dalgħodu tressaq il-Qorti Fr Luke Seguna fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus, miżapproprijazzjoni, frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti, fost akkużi oħra.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih filwat li mistenni jinżamm taħt il-kustodja tal-Pulizija.

Fr Luke kien qed iħossu ma jiflaħx fl-Awla tant li kellu jissejjaħ tabib wara li tah ħass ħazin u mistenni jittieħed l-Isptar Mater Dei, anke peress li bħalissa qed jikkumbatti l-marda tal-kanċer.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba li jista’ jkun hemm tbagħbis tal-provi hekk kif jidher li numru ta’ nies minn Marsaxlokk allegatament taw flus lil Fr Luke Seguna.

Il-Prosekuzzjoni qalet li dan il-każ jinvolvi mija u għoxrin persuna u €500,000 .

Iktar kmieni

L‑Arċidjoċesi ta’ Malta ġiet infurmata li l‑kappillan ta’ Marsaxlokk se jaffaċċja akkużi marbuta ma’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi u ħasil ta’ flus. 

Skont il-Kurja, is‑saċerdot tpoġġa fuq administrative leave b’effett immedjat sakemm jibqgħu għaddejjin il‑proċeduri. 

Il‑parroċċa se tkun taħt it‑tmexxija ta’ amministratur maħtur mill‑Arċisqof Charles Scicluna. Għalkemm fl-istqarrija ma ntqalx min se jkun.

L‑Arċidjoċesi offriet il‑koperazzjoni sħiħa tagħha lill‑awtoritajiet u se tfittex li tistabbilixxi jekk il‑kappillan mexiex ma’ policies dwar donazzjonijiet li huma diġà stabbiliti.

Minħabba li għaddejjin proċeduri, l‑Arċidjoċesi mhux se tikkummenta dwar dan il‑każ u tappella lill‑media biex tirrispetta l‑preżunzjoni tal‑innoċenza sabiex il‑ġustizzja tieħu l‑kors sħiħ u xieraq.