Lokali

“Il-Gvern qatt ma kellu pjan serju ta’ kif isaħħaħ l-Air Malta” – Bernard Grech

Fi kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech is-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Air Malta hija waħda ta’ inċertezza kbira hekk kif Gvern Laburista f’dawn l-aħħar disa’ snin falla il-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna. Dan hekk kif il-Gvern qatt ma kellu pjan serju ta’ kif isaħħaħ lil din il-kumpanija.

F’intervista fuq Net FM, huwa qal li l-ħaddiema kieu mwiegħda bosta affarijiet li qatt ma ġew implimentati… anzi kienu pjanijiet li sfaxxaw fix-xejn.  Bernard Grech semma sitwazzjonijiet oħra fejn il-Gvern mhux qed jikkonsulta dwarhom fosthom dwar il-ħatra ta’ kummissarju tal-istandards u l-ombudsman.  

Il-Kap tal-PN qal li kulħadd għandu d-dritt li jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar… bil-Gvern Laburista qed ikompli jiskuża lil kull min qed jabbuża mill-għoli tal-prezzijiet u mhu qed jagħmel kważi xejn biex jindirizza din il-problema li qed taffettwa lil kulħadd.

Huwa fakkar kif il-Gvern Laburista qed ikompli jagħti l-miljuni fosthom lil Sadeen, lil Vitals u lil Steward, iżda għaż-żgħazagħ li jixtiequ jkollhom l-ewwel proprjeta tagħhom, m’għandux x’jagħtihom. U quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jaħdem fuq numru ta’ proposti li jgħinu lill-familji… fosthom id-direttiva tal-work life balance li daħlet fis-seħħ wara ħidma kbira li għamel l-MEP Nazzjonalista David Casa.

Dwar it-traffiku, Bernard Grech qal li huwa evidenti li l-Gvern mgħandux pjan.. bil-Ministru responsabbli jiprova jgħaddi lill-poplu Malti biż-żmien u jwaħħal fil-festi.

Dwar il-Pre Budget Document, Bernard Grech qal li l-PN se jkun qed jibni fuq il-proposti li kellu fil-programm elettorali.

Bernard Grech qal li l-ħidma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ma tieqafx hekk kif bħalissa qed isiru numru ta’ laqgħat kemm mal-amministrazzjoni tal-Partit, mal-Kumitati kif ukoll ma diversi persuni minn kull qasam tas-soċjetà.

Huwa sellem il-memorja tal-President Emeritus Giudo deMarco hekk kif illum qed jitfakkar it-12-il anniversarju mill-mewt tiegħu… politiku li ħalla legat kbir f’pajjiżna.   

Il-Kap tal-PN awgura lill-klabb ta’ Hamrun Spartans għas-suċċess li kisbu u awgura sabiex l-isport f’pajjiżna jibqa’ mezz ta’ kif il-bniedem ikompli jikber, jiżvilippa u jeduka ruħu. Huwa fakkar kif il-PN minn dejjem saħaq li l-isports għandu jkun parti mill-kurikulu fl-iskejjel ħalli t-tfal u ż-żgħażagħ ikomplu jimxu ‘ l quddiem anke barra minn pajjiżna.