Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: L-isplużjonijiet fil-Krimea ħallew impatt anki fuq il-Flotta Russa fil-Baħar l-Iswed

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit qal li l-aħħar splużjonijiet f’bażi ewlenija tal-qawwiet Russi fil-penisola tal-Krimea ħalliet anki impatt ‘devastanti’ għall-flotta tal-bastimenti tal-gwerra tar-Russja fil-Baħar l-Iswed.

Dan meta għadhom deħlin ir-rapporti dwar l-effetti tal-isplużjonijiet tat-Tlieta fil-bażi ta’ Saky, lejn il-punent tal-Krimea li r-Russja kienet ħatfet lill-Ukrajna fl-ewwel xhur tal-2014.

Filwaqt li l-Ukrajna ma assumietx responsabbiltà għas-sensiela ta’ splużjonijiet, il-Ministeru Britanniku hu konvint li l-isplużjonijiet qerdu talanqas tmien ajruplani militari tar-Russja. Dan waqt li d-data miġbura mis-satellita qed tindika l-possibbiltà li l-Ukreni wettqu attakk preċiż fuq dik il-bażi anki jekk huma ma jridu jiżvelaw xejn dwar l-azzjoni.

Għalkemm ma ħareġ xejn uffiċjali dwar il-kawża tal-isplużjonijiet tat-Tlieta huwa ċert li talanqas ħames ajruplani fighter-bomber u tliet jets militari oħra jew inqerdu għal kollox inkella ġarrbu l-ħsarat estensivi. Intant, il-fatt, li l-mexxejja tal-Flotta Russa ma jistgħux jużaw aktar dawn l-ajruplani qed jitqies bħala disfatta sinifikanti għal dawn il-qawwiet tal-baħar fil-Baħar l-Iswed.

Kelliema għall-Ministeru tad-Difiża Britanniku, fl-aħħar sigħat, tennew li ‘il-Flotta Russa fil-Baħar l-Iswed, issa, tilfet ħafna mill-kapaċitajiet tal-avvjazzjoni li kellha sa ftit ilu. Dan meta l-flotta, fil-limiti ta’ Saky, sallum għadha qed tikkumbatti lill-qawwiet Ukreni lejn in-nofsinar tal-Ukrajna

Fl-istess ħin, il-kelliema f’Moska qed ikomplu jiċħdu li tilfu l-ajruplani waqt l-isplużjonijiiet fil-bażi ta’ Saky, anki jekk l-informazzjoni miksuba mis-satellita tindika li huma qed jippruvaw jevitaw il-verità tal-fatti.