Lokali Qorti

Jinkixfu aktar dettalji fuq il-falliment tal-More Supermarkets

Fil-Qorti komplew jinkixfu iktar dettalji fuq il-falliment fil-mod ta’ kif kienu jitmexxew il-More Supermarkets. Dan hekk kif il-business partner ta’ Ryan Schembri, Darren Casha spjega fid-detall l-invoices ta’ pagamenti foloz illi saru.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Casha kompla jgħid kif spiċċa jmexxi l-More Supermarkets meta kien diġa’ negozju fallut.

Huwa qal li tkellem ma’ Mohammed Emhemmed li jmexxi l-kumpanija Copacabana Ltd fejn ikkonferma li kien jirċievi inqas minn 10% ta’ dak li kien imħallas. Din il-kumpanija qatt m’għamlet kuntatt ma’ fabbriki oħra u kien għalhekk li l-prodotti qatt ma kienu jaslu jew kien ikun hemm żballji fil-barcodes.

Darren Casha ppreżenta diversi invoices li juru l-ħlas ta’ dawn il-prodotti nieqsa li saħansitra jammontaw għal kważi nofs miljun ewro.

L-avukat Roberto Montalto li qed jirrapreżenta lil Ryan Schembri talab għall-ħelsien mill-arrest kif ukoll offra li l-Qorti tieħu l-passaport ta’ Schembri sabiex ikun żgurat li ma joħroġx barra minn Malta.

Il-Maġistrat qalet li fis-seduta tad-9 ta’ Settembru se tħabbar jekk Schembri jingħatax il-ħelsien mill-arrest.