Sport Sport Ieħor

Justin Pace rebbieħ fl-aktar ġlieda mistennija waqt l-avveniment Evolution Fight fi Sqallija

Fl-aħħar jiem, l-atleta ta’ Team Noel Justin Pace kien il-protagonist waqt l-avveniment Evolution Fight li sar f’Rosolini fi Sqallija. Pace għeleb lil Osama Latif fi ġlieda li kienet tikkonsisti fi tliet rawnds ta’ tliet minuti fil-kategorija tas-60kg.

Fl-iktar ġlieda mistennija tas-serata, hu beda b’ritmu tajjeb, żamm il-konsistenza u saħansitra kien qrib ir-rebħa lejn l-aħħar tat-tielet rawnd permezz ta’ knockout. Pace li ilu għal dawn l-aħħar sitt snin jitħarreġ ma’ Team Noel, kiseb ir-rebħa wara vot unanimu mill-ġurija.

Il-mument meta Justin Pace ġie dikjarat rebbieħ

Fi Sqallija kkompeta wkoll Jesred Piscopo li sfortunatament spiċċa tellief kontra t-Taljan Nicolas Novati fil-kategorija tat-68kg. Novati ħareġ rebbieħ bil-punti wara tliet rawnds ta’ tliet minuti.

Din ma kinitx l-ewwel esperjenza ta’ Piscopo barra l-pajjiż, tant li sar ġellied rinomat taħt il-kappa tal-World Kickboxing Network (WKN) u l-Malta Kickboxing Association (MKBA).

Fl-ewwel reazzjoni wara dawn il-ġlidiet, Master Noel Mercieca qal li jinsab kuntent ferm bil-wirja li ż-żewġ atleti wara xhur ta’ sagrifiċċju u taħriġ kontinwu. Dawn it-taqbidiet żgur li jkomplu jgħinu lil dawn l-atleti biex fil-futur ikomplu jippreparaw għall-kompetizzjonijiet oħra barra minn xtutna.

Jesred Piscopo