Lokali

L-MEA tgħid li l-ftehim tal-Gvern għall-AirMalta huwa “oxxen u bla preċedent”

L-AirMalta spiċċat "traġedja ta' żbalji"

Il-ftehim il-ġdid tal-AirMalta illi tfassal mill-Gvern wara li falla l-ewwel wieħed, ġie deskritt mill-MEA bħala “pakkett oxxen”.

Dan intqal fi stqarrija fejn l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ikundannat lill-Gvern għall-manuvri li wettaq fl-aħħar sigħat, u li fissruhom bħala “serqa” ta’ flus il-poplu. Dan għaliex il-ftehim il-ġdid se jiġi jiswa’ mal-€50 miljun.

L-MEA ikkundannat ukoll lill-Gvern għall-fatt li qas biss prova jalloka lill-ħaddiema tal-AirMalta mas-settur privat.

Fl-istqarrija, bi kliem iebes ferm, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tgħid li l-Gvern b’dan id-deal mal-GWU qiegħed biss juża l-flus mit-taxxi li jħallsu n-nies sabiex jipprova jirranġa l-froġa li saret minnu stess.

L-MEA qalet li l-ġrajja ta’ kif saru l-affarijiet fl-AirMalta f’dawn l-aħħar snin kienet biss “traġedja ta’ żblaji”. U fakkret kif ħafna minn dawn il-ħaddiema lanqas biss kellhom jiġu impjegati mal-linja nazzjonali tal-ajru, aħseb u ara kemm jingħataw din il-golden handshake.