Ekonomija Lokali

L-ogħla żieda fl-inflazzjoni f’dawn l-aħħar għaxar snin

Iż-żieda fil-prezzijiet li qed jaffaċja l-poplu bħalissa hija l-ogħla li ra pajjiżna f’dawn l-aħħar snin.

Rapport ippubblikat mill-Bank Ċentrali wera li fl-ewwel kwart tas-sena l-inflazzjoni laħqet l-4.5%… żieda ta’ kwazi 2% meta mqabbel ma’ Diċembru tas-sena li għaddiet.

Dan jimmarka l-għola inflazzjoni li qatt irreġistra pajjizna mill-2012 ‘l hawn… bil-fatturi ewlenin li qed iwasslu għal dan huma iż-żieda fil-prezzijiet ta’ servizzi relatati mal-użu personali u d-divertiment.  Filatt f’dawn l-aħħar xhur ir-ristoranti u l-kafetteriji għollew il-prezzijiet b’6.7%.

L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel ukoll żdiedet fl-ewwel kwart tas-sena hekk kif f’Marzu li għadda din laħqet ir-rata ta’ 7.2%. … bil-fatturi ewlenin li waslu għal dan kienu ż-żiediet fil-prezzijiet tal-ħobż, iċ-ċereali u l-prodotti tal-ħalib.

Ir-rapport tal-Bank Ċentrali wera ukoll li s-servizzi relatati mad-djar ukoll wasslu għal din iż-żieda fl-inflazzjoni, l-iktar minħabba l-prezzijiet tat-tiswija. Apparti dan, il-prezz tal-bini wkoll żdied b’rata qawwija…minn 4.5% f’Diċembru li għadda għal 6.7% fl-ewwel kwart tas-sena – żieda ta’ iktar minn 2%.

Dan ir-rapport ikompli jikkonferma kemm dawn il-fatturi kollha qed ikomplu jikkontribwixxu biex l-għoli tal-ħajja ikompli jiżdied….b’konsegwenza li bosta ħaddiema, famijli u pensjonanti qed isibuha ferm diffiċli biex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

S’issa, kollox qed jindika li l-Gvern fil-Budget se jagħti żieda ta’ bejn 8 ewro u 10 ewro – għalkemm jidher li din ftit li xejn se ttaffi għad-daqqa qawwija li diġà ġabet magħha l-inflazzjoni.