Internazzjonali

Salman Rushdie: L-awtur ta’ ‘The Satanic Verses’ attakkat u midrub fl-Istati Uniti

L-awtur rinomat Britanniku, Salman Rushdie, għadu kemm spiċċa aggredit minn raġel li tah daqqa ta’ sikkina f’għonqu. L-attakk seħħ ftit tal-ħin ilu – bil-pulizija żżomm lill-aggressur taħt arrest u meta l-kundizzjoni ta’ Rushdie ( li għandu 75 sena) għadha mhix magħrufa.

Rushdie spiċċa attakkat waqt li kien fuq il-palk fiċ-Chautauqua Institution, fl-Istat ta’ New York. Hu dak il-ħin kien qed iħejji biex jagħti lecture fuq tema partikulari, bl-ewwel ritratti ta’ wara l-inċident juru lill-awtur waqt li qed ikun trattat fuq il-palk u fejn jidher imdawwar mill-ħaddiema mediċi.

L-Istituzzjoni ta’ Chautauqua hi ċentru għall-arti u l-edukazzjoni u l-kelliema tagħha għalissa qed jirreferu biss għal ‘emerġenza’ ( fir-rigward tal-każ ta’ Rushdie) mingħajr ma jipprovdu dettalji.

Salman Rushdie kien sar famuż madwar id-dinja wara li ħareġ il-ktieb The Satanic Verses, fl-1988.

Il-ktieb qanqal mewġa ta’ rabja fost il-Musulmani tad-dinja, bl-eks Ayatollah tal-Iran, Ruhollah Khomeini, joħroġ ‘fatwa’ (sentenza tal-mewt) fil-konfront tal-awtur li kellu jgħix bil-moħbi għal kważi għaxar snin wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb.