Internazzjonali

Stati Uniti: Jinqatel  ‘sostenitur ta’ Trump’ wara li pprova jidħol f’bini tal-FBI f’Ohio

Il-Pulizija fl-Istat ta’ Ohio spiċċaw joqtlu  raġel armat li kien liebes il-body armour u li qabel kien ipprova jidħol illegalment f’bini tal-FBI fl-inħawi ta’ Cincinnati.

Ir-rapporti qalu li l-maqtul kien ħarab mill-inħawi wara li fallielu t-tentattiv biex jidħol fi screening area għall-viżitaturi fil-bini. Intant, ir-raġel, wara, spiċċa involut f’konfront fatali – fost l-isparaturi — mal-pulizija f’zona rurali ftit ‘il hinn mill-bini tal-FBI.

L-Uffiċjali tal-Pulizija, issa qed jinvestigaw jekk ir-raġel, identifikat bħala Ricky Shiffer, kellux xi rabtiet mal-gruppi estremisti tal-lemin. Dan fost rapporti  li Shiffer kien ‘sostenitur fanatiku’ tal-eks President Amerikan, Donald Trump.

It-Tmexxija tal-FBI  qalet li kull tip ta’ vjolenza u theddid kontra l-aġenzija tas-sigurtà federali ‘għandu jħasseb lill-Amerikani kollha’. Sadanittant, ma ntqalx xi skop seta’ kellu r-raġel, bl-inċident f’Ohio iseħħ fost sensiela ta’ theddid kontra l-uffiċjali għall-ħarsien tal-liġi wara li l-aġenti tal-FBI, din il-ġimgħa, daħlu fil-proprjetà ta’ Donald Trump fi Florida u ħadulu xi affarijiet personali.