Internazzjonali

Ukrajna: Ħaddiema ta’ faċilità nukleari ‘taħt theddida kontinwa’

Il-ħaddiema fil-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia – li hi l-akbar faċilità ta’ dan it-tip fl-Ewropa – żvelaw lill-ġurnalisti tal-BBC li qegħdin ikunu kontinwament minaċċjati mit-truppi Russi fl-istess kumpless u li, bħalissa, qegħdin jużaw din il-faċlità bħala ‘bażi militari’.

Il-qawwiet Russi, fil-fatt, ilhom jokkupaw il-faċilità mill-bidu ta’ Marzu u meta l-kumpless qed jitħaddem, bħalissa, mit-tekniċi Ukreni. Fl-istess ħin, ir-Russja qed tiffaċċja akkużi li l-qawwiet tagħha qegħdin jużaw il-faċilità ta’ Zaporizhzhia bħala ‘tarka’ anki waqt li t-truppi ta’ Moska qegħdin jibbumbardjaw lid-diversi zoni difiżi mill-militar Ukren mill-istess sit.

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet dwar is-sitwazzjoni tal-ġlied fil-faċilità u l-madwar bħala ‘preludju għal diżastru potenzjali. Dan waqt li xi ħaddiema tal-faċilità, issa, infurmaw lill-BBC li huma u l-kollegi qed jiffaċċjaw kuljum diversi theddid mingħand ir-Russi.

L-istess ħaddiema qegħdin jibżgħu li l-inħawi tal-faċilità u l-madwar għandhom jispiċċaw ikkontaminati bir-radjazzjoni u meta ħadd ma jista’ jeskludi għal katastrofi nukleari ‘il quddiem – bir-Russi jippersistu bl-azzjonijiet militari fl-inħawi.

U waqt li l-Ukrajna u r-Russja qed ikomplu jakkużaw lil xulxin dwar  is-sitwazzjoni, il-veru ċirkustanzi f’dik il-faċilità għadhom mhumiex ċari għal kollox – anki jekk il-livell ta’ sogru qed jitqies bħala għoli. Min-naħa tagħha, l-International Atomic Energy Agency (l-IAEA, li hi l-osservatur nukleari tan-Nazzjonijiet Uniti) kompliet twissi dwar il-potenzjal ta’ diżastru nukleari dment li l-ġlied fiz-zona ma jieqafx u l-ispetturi tal-aġenzija ma jingħatawx aċċess għall-faċilità.

50