Sport Waterpolo

Edward Aquilina – irtira minn plejer biex issa jibda jservi ta’ ispirazzjoni għaż-żgħażagħ bħala kowċ

(Ritratti: Joseph Galea, Jonathan Chetcuti, Catriel Farrugia)

Artiklu: Stewart Said

Edward Aquilina – fost l-aktar persuni kariżmatiċi fix-xena tal-waterpolo lokali. Matul din il-ġimgħa, Aquilina lagħab l-aħħar logħba fil-karriera tiegħu fl-età ta’ 39 sena. Matul il-karriera tiegħu lagħab ma’ xejn anqas minn sitt klabbs; Sliema, Neptunes, San Ġiljan, Sirens, Valletta u Ta’ Xbiex.

Bejn l-2001 u l-2004 hu kien parti mit-tim Slimiż li rebaħ erba’ Kampjonati tas-Sajf konsekuttivi. Wara esperjenzi ma’ tliet klabbs differenti fejn anki rebaħ il-Kampjonat tas-Sajf ma’ Neptunes fl-2011 u fl-2012, Aquilina rritorna ma’ Sliema fl-2013 iżda fis-sentejn ta’ wara lagħab ma’ Sirens. Fl-2016 irritorna mas-Slimiżi qabel reġa’ rritorna ma’ Sirens fl-2018. Wara sentejn, Aquilina beda esperjenza ġdida ma’ Valletta qabel lagħab din is-sena ma’ Ta’ Xbiex.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li rtira, iċ-Ċoċċi kif inhu magħruf aħjar, semma żewġ raġunijiet prinċipali li wassluh għad-deċiżjoni li jieqaf jilgħab b’mod kompetittiv. L-ewwel raġuni hi l-età, b’konsegwenza li fi kliemu “dejjem qed inbati iktar. Stajt nilgħab sentejn jew tlieta oħra fl-Ewwel Diviżjoni imma ġiet l-opportunità li nkun parti mill-istaff tekniku ta’ Sliema. Din is-sena għamilt it-tnejn li huma u ma stajtx inlaħħaq.”

F’karriera ta’ ftit aktar minn 20 sena, Aquilina ra l-waterpolo jevolvi u stqarr li llum il-logħba saret aktar veloċi filwaqt li t-taħriġ sar iktar intensiv. Edward Aquilina hu Slimiż u għalhekk ma setax jonqos li jsemmi l-mumenti tal-glorja ma’ Sliema bħala l-aqwa mumenti fil-karriera tiegħu, mingħajr ma naqas mir-rispett lejn it-timijiet li lagħab magħhom.

“Fortunat li lgħabt ma’ Neptunes, Sirens, San Ġiljan, Valletta u Ta’ Xbiex. Fortunat li lgħabt mal-aqwa plejers ta’ Malta. Ħafna nies li għenuni, Presidenti u klabbs. Inqisni fortunat li kelli ċ-ċans nilgħab ma’ kull klabb.”

Dawk li segwew il-karriera ta’ Aquilina jemmnu li f’ċertu mumenti seta’ kien aħjar milli kien. Iċ-Ċoċċi stess stqarr miegħi li “stajt nitħarreġ ħafna iktar imma qatt ma kont xi wieħed li nħobb it-taħriġ. Kont fortunat li Alla tani t-talent u ma tantx sfruttajtu għall-massimu.”

Fil-karriera tiegħu, Edward Aquilina lagħab ma’ tliet ġenerazzjonijiet differenti. Dawk li kienu fl-aqwa tagħhom meta beda jilgħab, dawk tampar tiegħu u l-plejers żgħażagħ preżenti. Hu jistqarr li teknikament, plejers bħal dawk li kien hemm meta beda jilgħab ma jeżistux illum.

It-tranżizzjoni minn plejer għal kowċ

Fl-aħħar ħames snin, Aquilina beda jsib saqajh ukoll bħala kowċ, l-ewwel bħala kowċ ta’ taħt l-20 sena ta’ Sirens u fl-aħħar snin bħala kowċ ta’ Sliema fis-settur taż-żgħażagħ. Fil-preżent qiegħed ukoll parti mis-settur tekniku fit-tim ewlieni Slimiż.

Awtomatikament hu wieħed mill-kowċis żgħażagħ u l-mentalità tiegħu hi ċara. “Jien kelli ħafna kowċis u dejjem nieħu t-tajjeb ta’ kulħadd u għadni sal-lum il-ġurnata nitgħallem mingħand kulħadd. Meta jasal il-mument li nieqaf nitgħallem, ngħid jiena l-isport daqshekk.”

Żgur li wieħed mill-gwidi tiegħu bħala kowċ se jkun Peter Decesare, persuna li Aquilina stqarr mingħajr tlaqliq li kien l-aktar persuna influwenti fil-karriera tiegħu. U kieku Edward Aquilina l-plejer jagħti messaġġ lil Edward Aquilina l-kowċ, xi jkun? “Li nieħu kollox bis-serjetà iktar minn meta kont plejer.”

Issa li mhux se jibqa’ juża l-malja u l-kappa u se jkun bilqiegħda minflok jgħum, nistgħu naraw faċċata differenti li ma rajniex ta’ Edward Aquilina. L-ewwel sinjali juru li ċ-Ċoċċi jista’ jservi ta’ gwida tajba għall-plejers żgħażagħ u jekk iżomm saqajh mal-art jista’ verament ikollu karriera ta’ suċċess bħala kowċ kif wara kollox kellu bħala plejer.