Budget 2023 Ekonomija Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tipproponi tnaqqis fil-VAT fuq ir-ristoranti u t-take aways

"Mhuwiex żmien il-ħela, u mhemmx żmien x'naħlu"

Hekk kif 80% tan-negozji qed ibassru żieda fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi tnaqqis fil-VAT għas-settur tar-restoranti u t-take aways sabiex tittaffa d-daqqa fuq il-konsumatur.

Din hija biss waħda mid-diversi proposti li ressqet iċ-Chamber fid-dokument ta’ qabel il-Budget. Bil-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li l-VAT għal dan is-settur tonqos minn 18% għal 7%.

Fl-istess dokument iċ-Chamber tfakkar fil-ħtieġa li l-Gvern jirrevedi l-miżuri tal-Work Life Balance illi daħlu b’għaġla. Filwaqt li tirreferi għall-proposta li l-pensjonijiet ikunu eżenti mit-taxxa.

F’dan id-dokument, il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li jsir pjan serju għall-enerġija li jkun jinkludi proġetti ta’ enerġija mx-xemx u offshore windfarms, li jsir investiment fin-network tad-distribuzzjoni, li titnaqqas il-VAT fuq applinaces li jaħlu inqas, u li l-Gvern ma jibqax jissussidja l-ħela tal-enerġija.

Apparti minn hekk, id-dokument isemmi -bżonn li jitnaqqsu gradwalment is-sussidji fuq il-petrol u d-diesel biex tassew ikun hemm qalba lejn trasport li jaħdem bl-elettriku. Fil-fatt, iċ-Chamber tirreferi anke għal inċentivi akbar favur vetturi kummerċjali elettriċi.

Issemmi wkoll l-introduzzjoni ta’ parking meters f’ċertu zoni, u li tiġi riveduta s-sistema ta’ kif inħallsu l-liċenzji – skont kemm wieħed juża l-karozza.

L-istess dokument ma joqgħodx lura milli jsemmi proposti li jafu jkunu kontroversjali, bħat-tneħħija tan-nofs ta’ nhari għall-impjegati tal-Gvern u li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja ma tingħatax sħiħa għal kulħadd.

Fil-fatt, il-Kamra qed tipproponi li ż-żieda tal-COLA li se jħabbar il-Gvern ma tingħatax sħiħa għal dawk il-ħaddiema li diġa’ ħadu żidiet fil-pagi fl-aħħar 12-il xahar. Fosthom ħaddiema li ffirmaw ftehim kollettiv u oħrajn fil-privat li ingħataw żieda.