Lokali Qorti

Jinħeles mill-arrest fuq żball tal-Pulizija

Raġel miż-Żejtun ġie mixli fil-Qorti b’serq ta’ senter u li kiser il-kundizzjoni tal-ħelsien mill-arrest fuq każ separat.

Il-Maġistrat Josette Demicoli li ppresediet fil-Qorti semgħet intqal kif ir-raġel, li għandu 33 sena deher fuq il-filmati tal-kameras tas-sigurtà jisraq is-senter.  Tfittxija li saret f’daru aktar tard wasslet għas-sejba tal-istess senter.

Għal dawn l-akkużi, iż-Żejtuni wieġeb mhux ħati.

Peress li l-akkużat inżamm arrestat iktar minn tliet ijiem – jiġifieri aktar miż-żmien stipulat mill-liġi – qabel ittella’ l-Qorti, il-Maġistrat ma kellhiex għażla għajr li teħilsu mill-arrest.

Madanakollu, l-akkużi dwar is-serq u l-ksur tal-kundizzjonijiet se jkomplu jinstemgħu fis-seduta li jmiss meta jitressqu l-provi meħtieġa.