Lokali

Knisja Minjatura b’dettall liema bħalu fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija

Titlesta pittura tal-Konvoj ta' San Marija fl-okkażjoni tat-80 sena minn mindu l-konvoj daħal f'pajjiżna

Il-ħolma li kellu ta’ daqsxejn ta’ tfajjel issa ġiet realtà.

Parti mill-ispazju fejn jaħdem Joe Chetcuti, f’daru stess inbidlet fi Knisja Minjatura b’dettall liema bħalu.

Il-Knisja tikkonsisti f’artal, gandlieri u fjuretti, fost oħrajn… liema Knisja tilbes ilbiesi differenti skont iż-żmien tas-sena.

L-iktar biċċa t’arti riċenti f’din l-istess Knisja hi dik li tinsab fis-saqaf tagħha u li turi l-Konvoj ta’ Santa Marija. Liema pittura saret minn Jeremy Cachia fl-okkażjoni tat-80 sena minn mindu l-konvoj daħal f’pajjiżna.

“Ix-goħol qatt ma tgħid li huwa lest,” qal Joe Chetcuti. “Din is-sena saret il-pittura bit-tlugħ ta’ Marija Assunta. U żanżant ukoll sett ta’ fjuretti bil-gastri b’kollox.”

L-imħabba għall-knejjes minn dejjem kienet kbira. Fil-fatt, minn ta’ età żgħira kellu artal żgħir li kien qala’ bħala rigal fil-Milied. Artal li beda jkabbru b’affarijiet relatati.

Fil-fatt, kull darba li kien iżur il-Belt Valletta mal-ġenituri tiegħu, qatt ma marru lura d-dar idhom f’idhom għaliex dejjem kien jikkonvinċihom biex jixtrulu xi statwetta jew gandlier biex imorru fuq l-artal.

Iżda kienet propju barżakka b’artal tal-injam fiha li ngħatat lilu b’rigal daqs sitt snin ilu li ġiegħlitu jibda jhewden biex ikollu minjatura.

“Kont qaljt artal mingħand ħabib tiegħi Għawdxi u minn hemm bdiet il-ħajra li nagħmel din il-minjatura,” qal Joe Chetcuti. “U fil-fatt minn dan l-artal ġiet Knisja Minjatura.”

Għal Joe Chetcuti, din il-Knisja Minjatura qatt m’hi lesta hekk kif dejjem jara x’jivvinta biex jagħmel isbaħ u ikbar milli qatt tista’ tkun. Fil-fatt, diġa’ għandu proġetti f’moħħu għax-xhur u s-snin li ġejjin.

Ritratti: Martin Agius