Futbol Sport

Man Utd umiljati minn Brentford… Gabriel Jesus protagonist fir-rebħa ta’ Arsenal

Umiljazzjoni għal Man Utd barra minn darhom għand Brenford meta kienu megħluba bl-iskor ta’ 4-0. L-erba’ gowls għal Brentford waslu fl-ewwel taqsima. Huma fetħu l-iskor fl-10 minuta meta David De Gea ma żammx tajjeb ix-xutt ta’ Josh DaSilva bil-ballun jispiċċa fix-xibka. Brentford irdoppjaw tmien minuti wara, meta Christian Eriksen tilef il-ballun fil-kaxxa, b’Mathias Jensen japprofitta u jixħet wara De Gea għal 2-0. Ben Mee skorja it-tielet gowl għal Brentford fit-30 mintua qabel Bryan Mbeumo prattikament għalaq il-partita fil-35 minuta bir-raba’ gowl.  

Fl-Emirates Stadium rebħa ta’ 4-2 għal Arsenal fuq Leicester biex komplew bil-bidu pożittiv ta’ dan l-istaġun. Arsenal marru fil-vantaġġ fit-23 minuta meta minn azzjoni maħduma tajba kien Gabriel Jesus li b’konklużjoni preċiża xeħet fl-anglu tax-xibka għal 1-0. L-istess Jesus rdoppja fil-35 minuta meta minn corner ta’ Gabriel Martinelli, xeħet fix-xibka bir-ras mill-viċin. Leicester naqqsu d-distakk fit-53 minuta meta William Saliba tefa’ fix-xibka tiegħu stess. Iżda minuta wara Arsenal żiedu t-tielet gowl, bi Granit Xhaka japprofitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Leciester. James Maddison għamilhom 4-2 fl-74 minuta b’xutt fil-baxx li għeleb lil Aaron Ramsdale, qabel minuta wara kien Gabriel Martinelli li b’xutt minn tarf il-kaxxa xeħet wara Danny Ward.

Fl-Etihad Stadium rebħa komda għal Man City kontra Bournemouth bl-iskor ta’ 4-0. Huma fetħu l-iskor fid-19-il mintua meta Erling Haaland żmarka lill Ikay Gundogan li tefa’ fix-xibka. Huma rdoppjaw fil-31 minuta meta din id-darba kien Kevin De Bruyne li bi klassi liema bħalha xeħet il-ballun fix-xibka. Man City għamluhom tlieta fis-37 minuta meta din id-darba De Bruyne qassam lejn Phil Foden li xeħet fix-xibka għal 3-0. Ir-raba’ gowl għat-tim immexxi minn Pep Guardiola wasal fid-79 munta meta Jefferson Lerma xeħet fix-xibka tiegħu stess.

PREMIER LEAGUE

Illum: Aston Villa v Everton 2-1, Southampton v Leeds 2-2, Arsenal v Leicester 4-2, Brighton v Newcastle 0-0, Man City v Bournemouth 4-0, Wolves v Fulham 0-0, Brentford v Man Utd 4-0 Għada Nott. Forest v West Ham 3.00pm, Chelsea v Tottenham 5.30pm, Liverpool v C’Palace 9.00pm