Internazzjonali

Salman Rushdie fuq il-magni tan-nifs u f’riskju li jitlef għajn waħda

Salman Rushdie tqiegħed fuq il-magni tan-nifs u ma jistax jitkellem wara li l-Ġimgħa qala’ daqqiet f’għonqu u żaqqu ftit tal-mumenti qabel ma kellu jagħti lecture.

L-awtur imwieled l-Indja u li fl-1988 beda jingħata protezzjoni fir-Renju Unit hu mifhum li qala’ mal-15-il daqqa ta ‘ ponn jew ta arma bil-ponta.

Rushdie, li għandu 75 sena, jinsab ukoll f’riskju li jitlef l-użu ta’ għajn waħda.

L-attakk seħħ f’istituzzjoni edukattiva fi New York, bil-Pulizija tal-belt qed iżżomm raġel ta’ 24 sena b’rabta mal-aggressjoni.

Ir-raġel, Hadi Matar, hu minn Fairview, New Jersey.

Isem Rushdie kien sar magħruf mad-dinja kollha wara li fit-tmeninijet ippubblika l-ktieb The Satanic Verses. Novella li kienet meqjusa bħala offensiva minn xi Musulmani u li wasslet biex il-mexxej Iranjan ta’ dak iż-żmien jhedded lill-kittieb li se joqtlu.

Skont rapport, il-kittieb, illum b’nazzjonalità Ingliża u saħansitra bit-titlu ta’ Sir, qala’ tal-anqas daqqa waħda b’arma bil-ponta f’għonq u oħra f’żaqqu flimkien ma’ numru ta’ daqqiet ta’ ponn.

Skont l-aġent ta’ Rushdie hemm ċans kbir li jitlef għajn waħda, filwaqt li fl-attakk tqaċċtulu nervituri f’dirgħajh u sofra ġrieħi fil-fwied.

Skont il-Pulizijja, l-aggressur inżamm minn membri tal-istaff tal-istituzzjoni kif ukoll membri tal-udjenza preżenti filwaqt li tabib li kien fis-sala ta l-ewwel għajnuna lil Rushdie.