Sport Waterpolo

San Ġiljan pass bogħod mit-12-il kampjonat fl-istorja … Marsaskala viċin ir-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…… 7

SLIEMA FRANK SALT………….. 6

(2-2), (1-3), (1-1), (3-0)

Għal ħafna ħin deher li Sliema kienu se jieħdu l-vantaġġ fl-ewwel finali minn possibbiltà ta’ tlieta. Iżda San Ġiljan irnexxielhom idawru l-logħba fl-aħħar sessjoni u issa jinsabu l-favoriti li jirbħu t-12-il kampjonat u l-ewwel wieħed mill-2020.

Sliema kellhom prestazzjoni pożittiva iżda fil-mumenti deċiżivi naqsu li juru l-istess saħħa u kompatezza li kellhom f’ħafna mil-logħba, anki forsi wara li Jerome Gabarretta kellu jispiċċa mil-logħba bit-tielet fawl. Ta’ min isemmi wkoll il-prestazzjoni tal-gowlkipers, b’Jake Tanti jispikka ftit iktar hekk kif f’mumenti Sliema kellhom il-kontroll u r-riżultat seta’ kien differenti kienu ma salvax konklużjonijiet importanti

San Ġiljan marru darbtejn fil-vantaġġ fl-ewwel sessjoni minn Nicholas Bugelli u Mattias Ortoleva iżda Sliema wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet minn Benji Cachia u Jerome Gabarretta.

Fit-tieni sessjoni Sliema ħadu ftit kontroll tal-logħba b’żewġ gowls sbieħ tal-captain Mark Meli u Liam Galea. Nikolai Zammit naqqas id-distakk minn penalty, f’azzjoni li fiha Darren Zammit tkeċċa b’sostituzzjoni. Iżda Gabarretta żamm il-vantaġġ doppju b’gowl tipiku tiegħu mis-centre.

Jake Bonavia naqqas id-distakk fil-bidu tat-tielet sessjoni u setgħu ġabu d-draw wara li rebħu penalty, bil-logħba ta’ Gabarretta tintemm bit-tielet fawl kommess. Iżda Andreas Galea mexa quddiem max-xutt u b’hekk ir-referee Raffaele Colombo dawwar il-logħba. Sliema saħansitra għamlu l-iskor 6-4 b’xutt preċiż ta’ Cachia.

Minkejja li San Ġiljan kellhom lill-kowċ Zeljko Kovacic imkeċċi għal rimarki qabel bdiet l-aħħar sessjoni, San Ġiljan daħlu fil-logħba permezz taż-żagħżugħ Jake Bonavia, bl-istess plejer irnexxielu jieħu vantaġġ minn indeċiżjoni ta’ Nicky Grixti u ġab id-draw meta kien għad fadal ftit iktar minn tliet minuti. Sliema dehru maħsuda u l-eks Bugelli kompla r-rimonta b’xutt preċiż.

Issa kien imiss lil Sliema li jirrispondu, liema reazzjoni ma kinitx b’saħħitha biżżejjed hekk kif l-avversarji bdew jissieltu iktar filwaqt li s-Slimiżi tilfu l-kattiverja sportiva li kellhom aktar qabel. Mat-tisfira finali, il-ferħ u fl-istess ħin determinazzjoni tal-Ġiljaniżi kienet evidenti hekk kif issa jħarsu b’ottimiżmu lejn il-logħba tal-Erbgħa li ġej.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea, N. Schiavone, R. Caruana, M. Zammit, B. Plumpton, D. Tully, J. Bonavia (3), N. Zammit (1), D. Zammit, N. Bugelli (2), G. Vassallo, M. Ortoleva (1), D. Ferò

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (2), L. Galea (1), D. Rizzo, M. Meli (1), B. Cachia (2), J. Cutajar, M. Mifsud, J. Brownrigg, J. Gambin, Z. Mizzi, D. Zammit, A. Theuma, K. Borg

Referees: Raffaele Colombo, Ronnie Spiteri

WATERPOLO – KAMPJONAT I DIVIŻJONI

Marsaskala rebħa bogħod mill-kampjonat

M’SKALA FISH AND FISH…….. 7

VALLETTA IZIBET……………….. 1

(1-1), (0-0), (1-0), (5-0)

Marsaskala Fish and Fish jinsabu rebħa bogħod milli jirbħu l-Kampjonat tal-Eowwel Diviżjoni. F’logħba li ftit dehret li kienet finali, iż-żewġ timijiet ftit offew mumenti sbieħ fil-logħba, bit-traskuraġni fit-tentattivi quddiem il-lasta jiddominaw.

Kyle Navarro poġġa lil Marsaskala minn fuq b’xutt imkaxkar li għeleb lil Benji Busuttil sakemm Stephen Micallef ġab id-draw wara li kompla għal ġewwa mis-centre. It-tieni sessjoni żammet l-istess andament biż-żewġ timijiet ma jkunux preċiżi quddiem il-lasta u ma kinitx sorpriża li l-ebda tim ma sab ix-xibka.

David Pace Lupi reġa’ tefa’ lil Marsaskala fil-vantaġġ bl-uniku gowl tat-tielet sessjoni sakemm l-Iskalin għollew il-livell fl-aħħar sessjoni filwaqt li r-risposta ta’ Valletta ma waslitx.

Huma meritatament kabbru l-vantaġġ u aċċertaw mir-rebħa, bil-gowls jaslu minn Jake Ciantar, Paul Privitera, David Pace Lupi darbtejn u Ayrton Camenzuli lejn it-tmiem.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli (1), P. Privitera (1), R. Greco, G. Galea, K. Navarro (1), M. Manara, D. Pace Lupi (3), G. Sammut, J. Ciantar (1), M. Carani, A. Muscat, F. Scardino, L. Falzon

Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia, M. Pace, J. Culic, S. Busuttil, Z. Micallef, D. Paolella, M. Mifsud, S. Micallef (1), A. Agius, K. Galea, K. Cremona, A. Bugeja, L. Felice, R. Attard

Referees: Giuseppe Fusco, Richard Magri

Logħob li jmiss

L-Erbgħa

L-Ewwel Diviżjoni: Valletta v Marsaskala 6.30pm

Kampjonat Premier: Sliema v San Ġiljan 7.35pm