Lokali

Waqt il-funeral ta’ Antoine Degabriele, is-saċerdot jappella lill-awtoritajiet għas-sens komun

Jgħidilhom "tafu x'għandkom tagħmlu"

Nappella għas-sens komun minn naħa tal-awtoritajiet konċernati – jafu x’għandu jsir biex nevitaw milli sseħħ diżgrazzja oħra fi Triq Anton Buttiġieġ fiż-Żejtun.

Sostna dan il-Kanonku Ġorġ Spiteri meta wassal l-omelija tiegħu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun għall-aħħar tislima li ingħatat lil Antoine Degabriele – ir-raġel ta’ 51 sena li fil 5 ta’ Awwissu kien instab bla ħajja wara li ntlaqat minn karozza u tħalla mejjet fil-ġenb tat-triq.

Bosta qraba u ħbieb inġabru fil-Knisja taż-Żejtun sabiex ituh l-aħħar tislima fejn spikka partikolarment il-kulur abjad; kulru mixtieq mill-qraba ta’ Degabriele.

Dun Ġorġ Spiteri stqarr li kien kommoss waqt din l-omelija, għax kien jaf lil Degabriele sa minn tfulitu… fejn iddeskrivih bħala raġel bilgħaqal u tal-affari tiegħu.

Huwa insista li t-telfa tiegħu ċertament li xxokkjat lil kulħadd partikolarment liż-Żwieten u x-Xlukkajri li kienu jafuh mill-qrib.

Dun Ġorġ Spiteri spjega kif ankè hu sfortunatament l-għodwa li fiha nstab il-katavru ta’ Antoine huwa kien għadda minn hemm u ma kienx lemħu fl-għalqa mal-ġenb tat-triq.

Huwa imbgħad għażel kliem iebes sabiex jiddeskrivi s-soċjetà li qed ngħixu fiha hekk kif sejħilha waħda egoista fejn saħansitra kwota lill-Gvern Kanadiż li qed iwissi liċ-ċittadini tiegħu sabiex joqgħodu attenti mis-sewqan bla rażan li jsir f’pajjiżna.

Dun Ġorġ stqarr li xi ħaġa bħal din iġġiegħlna nistħu u tħammrilna wiċċna. Dan filwaqt li saħaq li huma tal-inqas 8 il-vittmi li mietu f’diżgrazzji ta’ traffiku f’dik it-triq…u għaldaqstant appella għas-sens komun.

Il-każ ta’ Degabriele issa jinsab quddiem il-Qorti, biz-zaghzugh Dean Frendo jinsab akkużat illi ssaq vettura tat-tip Mazda b’mod perikoluż u b’veloċità żejda, li naqas li jieqaf wara li tajjar lir-raġel, u li ma kellux la liċenzja tas-sewqan u lanqas polza tal-assigurazzjoni.

Minbarra hekk… .Frendo qed jiġi akkużat ukoll li wara l-inċident prova jaħbi t-traċċi tar-reat.