Lokali

Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi!

L-Erbgħa qed nistennew temperatura li tilħaq is-36°C

Fl-aħħar jumejn, fuq fomm kulħadd kienu l-ħalbiet ta’ xita flimkien ma’ beraq, buffuri ta’ riħ u qawwijin b’xi waqtiet. Temp li spiċċa saħansitra għarraq partijiet minn Malta.

Madanakollu, dan kif biss bħal twissija li s-sajf wasal biex jiġi fi tmiemu. Iżda mhux għalissa!

Fil-fatt, minkejja biża’ li l-festi ta’ Santa Marija mhumiex se jitgawdew kif inhu xieraq, dan ma jidhirx li se jseħħ.

Għall-ġranet li ġejjin qed ikun imbassar li jerġa’ jkollna temperaturi pjuttost għoljin madwar il-gżejjer Maltin. L-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar li bejn is-Sibt u l-Ħamis it-temp ikun sabiħ filwaqt li t-temperaturi jkunu għola min-norma klimatika t’Awwissu ta’ 32°C. U nhar l-Erbgħa, it-temperatura mistennija tilħaq massimu ta’ 36°C.

Iżda kif kien it-temp għax-xahar li għadda?

Lulju kien xahar aktar sħun milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena, fejn it-temperatura tal-arja medja qabżet in-norma klimatika ta’ 26.9°C b’1.7°C… jiġifieri 28.6°C.

Dan filwaqt li t-temepratura massima għal Lulju ta’ 38.8°C intlaħqet fit-tieni jum tax-xahar, filwaqt li dik l-iktar baxxa kienet ta’ 21.3°C u tkejlet fit-tnax-il jum.

It-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet ta’ 27.9°C, jiġifieri 2.7°C ogħla min-norma klimatika għax-xahar ta’ Lulju. Din it-temperatura kienet ogħla anke mill-medja t’Awwissu ta’ 26.7°C.

Matul ix-xahar, l-Uffiċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa kejjek 0.2 millimetru ta’ xita, jiġifieri ftit aktar min-norma klimatika ta’ Lulju.