Għawdex Lokali

125 sena mill-wasla tal-istatwa ta’ Santa Marija t’Għawdex

Ritratt: Anthony Grech

Din is-sena f’Għawdex qed isiru ċelebrazzjonijiet speċjali f’għeluq il-125 sena minn meta waslet mill-Italja l-istatwa ta’ Santa Marija, li tinsab fil-Knisja Katidrali fiċ-Ċittadella.

Il-Mument għamel intervista ma’ Dun Anthony Saliba li huwa saċerdot f’din il-Parroċċa iżda bħalissa qiegħed jaqdi l-ministeru pastorali tiegħu f’New York. Dun Anthony Saliba tkellem fuq kif din l-istatwa spiċċat Għawdex u tkellem ukoll fuq ġrajjiet li huma marbuta ma’ din l-istatwa.

Huwa qal li fl-1896 il-kumitat tal-Banda del Leone beda jiġbor il-fondi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jġibu statwa ta’ Santa Marija. Sa mill-bidu nett ix-xewqa ta’ dan il-kumitat kienet dik li jtellgħu l-istatwa ta’ Santa Marija fil-Katidral fejn dan propju seħħ sittin sena wara l-wasla ta’ din l-istatwa. Kien l-avukat Giuseppe Cremona li ra statwa mill-isbaħ f’Ruma u peress li kien magħruf għall-kultura artistika tiegħu, l-kumitat segwa l-parir tal-avukat.

Huwa kompla jirrakkonta li fis-sena li waslet din l-istatwa kienet ntramat fil-pjazza Tat-Tokk fuq pedistall. Mal-wasla tagħha il-festa ta’ Santa Marija f’Għawdex baqgħet tikber minn sena għall-oħra. Kull sena fit-13 t’Awwissu, din l-istatwa kienet tiddawwar b’devozzjoni kbira mat-toroq tar-Rabat u wara titqiegħed fil-Pjazza Tat-Tokk għall-bqija tal-jiem tal-festa ta’ Santa Marija. Dun Anthony Saliba qal li fil-bidu tas-seklu għoxrin, l-istess Għaqda Mużikali del Leone żanżnet pedistall artistiku.

Dun Anthony Saliba kompla jispjega li din l-istatwa hija marbuta ma bosta ġrajjiet fejn waħda li tispikka seħħet waqt it-Tieni Gwerra Dinjija fejn il-konvoj rnexxielu jidħol fil-port ta’ Malta propju lejliet Santa Marija. Dan il-konvoj kien qed iġorr bosta affarijiet essenzjali għall-Maltin u l-Għawdxin. Malli ġriet din l-aħbar, l-istatwa ta’ Santa Marija kienet armata fuq bradella fil-bitħa tal-Każin tas-Soċjeta’ del Leone fejn kienet imdawwra bix-xemgħat, fjuri u qsari. Dakinhar u l-għada, ma kienx hemm persuna waħda f’Għawdex li ma resqitx lejn din l-istatwa għażiża biex trodd ħajr lill-Madonna għal dak li kienet għamlet mal-poplu tagħha. 

Intant, fl-2018 inbeda u tlesta xogħol importanti ta’ restawr u konservazzjoni fuq din l-istatwa ta’ Santa Marija mill-artisti Aaron Camilleri Cauchi u Manuel Grech. Barra minn hekk, tnaddaf ukoll il-pedistall tal-fidda filwaqt li sar restawr tal-Bankun u Bradella.