Lokali

AĠĠORNATA: Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara ħabta bejn tliet vetturi u mutur

Żagħżugħ ta’ 25 sena residenti Marsaskala qed isofri minn ġrieħi serji wara li Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tas-sebgħa kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Villabate, Ħaż-Żabbar. Fl-inċident kienu involuti tliet vetturi u mutur.

Jidher li kien hemm impatt bejn Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 44 residenti Marsaskala li kienet sejra fid-direzzjoni ta’ Marsaskala, Opel Corsa misjuqa minn raġel minn Nepal ta’ 28 sena; Hyundai i30 misjuqa minn raġel ta’ 65 sena residenti Raħal Ġdid; u mutur Piaggio Vespa misjuq mir-raġel ta’ 25 sena, li kienu qed jinstaqu fid-direzzjoni opposta. Fl-Opel Corsa kien hemm ukoll mara minn Nepal ta’ 31 sena.

Fl-post ġew imsejħa uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex inħarġu xi persuni li kienu maqbuda fil-vetturi involuti fl-inċident.

Waqt li r-raġel ta’ 65 sena ma ġarrabx ġrieħi, l-erba’ persuni l-oħra ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura. Aktar tard ix-xufier tal-mutur kien iċċertifikat bi ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt, filwaqt li ż-żewġ persuni minn Nepal u r-raġel ta’ 44 sena kienu ċċertifikati bi ġrieħi ħfief.

Triq Villabate, magħrufa aħjar qalb iż-Żabbarin bħala Triq il-ġdida li twasslek għal Wied il-Għajn ingħalqet għal xi ħin bil-konsegwenza li l-influss tat-traffiku lejn Marsaskala ġie devjat lejn iċ-ċentru tar-raħal.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.