Lokali

Diżappunt fost l-Ixlukkajri wara l-arrest tal-Kappillan

“Raġel li kien jagħmel karità kbira ma’ kulħadd… kienet aħbar li xxukjatna”.

Dawn kienu l-ewwel reazzjonijiet ta’ bosta Xlukkajri hekk kif semgħu l-aħbar li Fr Luke Seguna, li serva bħala Kappillan ta’ din il-lokalità għal dawn l-aħħar sitt snin, tressaq il-Qorti akkużat b’ħasil ta’ flus u miżapropjazzjoni ta’ nofs miljun ewro.

Dalgħodu Net News żar il-lokalità ta’ Marsaxlokk fejn kien evidenti d-diżappunt fuq l-Ixlukkajri. Fuq fomm kulħadd tisma’ kliem ta’ tifħir għall-ħidma kbira li kien iwettaq Fr Luke Seguna. Barra minn hekk, esprimew diżappunt kbir fejn lanqas setgħu jemmnu dak li kienu qegħdin jaraw quddiem għajnejhom.

Għalkemm ilu nieqes minn Marsaxlokk ftit jiem biss kienu bosta li qalu li ħassew in-nuqqas tiegħu peress li Fr Luke kien iħobb jorganizza diversi attivitajiet biex jgħaqqad il-komunità Xlukkajra.

Il-kappillan ta’ Marsaxlokk, tressaq il-Qorti l-Ġimgħa li għadda, jum biss qabel huwa kien se jagħlaq sninu, akkużat fost l-oħrajn b’ħasil ta’ flus, frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, filwaqt li nżamm taħt il-kustodja tal-Pulizija. Waqt li bdew jinstemghu il-proceduri fil-Qorti Fr Luke Seguna ħassu ma jiflaħx tant li kellu jissejjaħ tabib wara li tah ħass ħazin fejn l-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-agħar hekk kif issejħet l-ambulanza sabiex jittieħed l-Isptar Mater Dei, anke għaliex bħalissa qed jikkumbatti l-marda tal-kanċer.

Fi stqarrija li ħarġet ftit qabel ma Fr Luke tressaq il-Qorti, il-Kurja qalet li l-Kanonku tpoġġa fuq administrative leave b’effett immedjat sakemm jibqgħu għaddejjin il-proċeduri fejn issa l-parroċċa se tkun taħt it-tmexxija ta’ amministratur maħtur mill-Arċisqof Scicluna.