Lokali

Il-fdalijiet ta’ Dun Mikiel Attard issa jinsabu fis-Santwarju ta’ Pinu

Il-fdalijiet tal-ġisem ta’ Dun Mikiel Attard issa jinsabu fis-Santwarju ta’ Pinu fl-Għarb Għawdex.

Dan wara li sar l-eżumazzjoni u l-proċess  forensiku meħtieġ fuq il-fdalijiet u fl-10 t’Awwissu li għadda ttieħdu fis-Santwarju ta’ Pinu propju fl-aħħar Erbgħa ta’ tħejjija għall-festa tal-Assunta. L-irħama bajda fuq il-qabar ġdid jinsab fuq ix-xellug tal-Altar iddedikat lit-Tħabbira tal-Mulej li ġġib fuqha l-isem iffirmat ta’ Dun Mikiel flimkien mad-dati tat-twelid u l-mewt tiegħu.  

Dun Mikiel Attard miet fl-eta’ ta’ 71 sena u kien saċerdot djoċesan Għawdxi min-Nadur. Huwa kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna Ta’ Pinu u għożża speċjali għas-Santwarju tagħha, li hu kien isejjaħlu  “oasi ta’ paċi.” Fil-mewt tiegħu wara li kien marid għal diversi snin, il-fdalijiet ta’ Dun Mikiel Attard kienu midfuna f’dak li llum hu magħruf bħalha ċ-Ċimiterju l-qadim tal-Parroċċa tan-Nadur.

Kien propju 25 sena ilu li bit-tħeġġiġ tiegħu, inżammet għall-ewwel darba l-Velja tal-Assunta li għadha tiġi  ċċelebrata kull sena sal-lum il-ġurnata fuq iz-Zuntier tas-Santwarju kif xtaqha hu bħala manifestazzjoni esterna ta’ mħabba Marjana. 

Fl-aħħar 18-il sena ż-żjarat u t-talb fuq il-qabar tiegħu qatt ma qatgħu fejn din hija xhieda tal-fama ta’ qdusija li jgawdi fost l-Għawdxin. Għaxar snin wara mewtu, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech li illum huwa Kardinal, kien beda il-Proċess Djoċesan tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni, fis-Santwarju Ta’ Pinu.