Lokali Saħħa

“Il-Gvern falla f’dan il-qasam” – jitkellmu għadd ta’ infermiera u carers

Nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa. Nuqqas ta’ infermiera u carers f’għadd ta’ faċilitajiet. Problemi fil-komunikazzjoni, b’persuni ma jistgħux jitkellmu bil-Malti, għax il-carers ma jkunux jafu. Dan kollu juri nuqqas ta’ kwalità fil-qasam tas-saħħa, bis-settur ikompli jbati l-konsegwenzi tan-negliġenza u n-nuqqas tal-Gvern u l-Ministeru tas-Saħħa.

Hekk saħqet l-istqarrija li ħarġet mill-Union tal-Allied Health Care Workers fejn saħqet li s-sitwazzjoni hija waħda prekarja b’ċirkustanzi li jkollok infermier u carer ma’ sala nies.

Qed ikun stipulat li Malta għandha bżonn minn tal-anqas 600 infermier ieħor biex is-settur jerġa’ jiġi fuq saqajh.

Fl-istqarrija ntqal li l-carers u l-infermiera barranin għandhom jingħataw taħriġ tal-lingwa Maltija biex jikkomunikaw aħjar mal-pazjenti, mhux biss mal-anzjani iżda ma’ kulħadd.

Il-Union kompliet billi tenniet li hemm ċirkustanzi fejn qed jintesa’ li l-ħaddiema tas-saħħa huma umani, u llum il-ġurnata qed ikollok ħaddiema tas-saħħa li qed ibatu minn stress kbir, b’xogħol ma jieqafx u dan fuq kollox inaqqas il-valur u l-kwalità li suppost ikollu s-settur tas-saħħa.

L-istqarrija għalqet billi qalet li inutli li ngħidu li m’hawnx qagħad, meta fir-realtà l-Gvern qed jaħrab milli jindirizza l-isfidi kbar li hemm fis-servizz tas-saħħa f’pajjiżna.