Lokali

Il-Gvern irid jagħlaq l-Air Malta u jwaqqaf kumpanija ġdida tal-ajru

Il-Ministru Clyde Caruana jhedded li jxolji lill-Air Malta minnufih kemm-il darba l-ħaddiema jirrikorru għal xi forma ta’ azzjoni industrijali

Is-saga ‘Air Malta’ fil-jiem li għaddew daħlet f’fażi oħra hekk kif il-ħaddiema mdendla u b’futur inċert tal-Air Malta kienu kostretti jivvutaw biex ikun estiż sal-aħħar tas-sena ftehim dwar ir-rilokazzjoni tal-ħaddiema li se jkunu qed jispiċċaw minn mal-kumpanija.

Barra minn hekk dan il-ftehim estiż issa jaħseb ukoll biex il-Gvern joffri skemi ta’ rtirar kmieni minn mal-Air Malta għal xi ħaddiema li jirċievu pagament ta’ darba u li ma tkunx titħallas taxxa fuqu u dan flok ma dawn il-ħaddiema jingħataw xogħol ieħor. 

Il-ħaddiema tal-Air Malta jafu tajjeb li l-Gvern Laburista qed jiffinalizza pjani biex l-Air Malta tingħalaq u minflok iwaqqaf kumpanija ġdida. Hekk l-assi tal-Air Malta jkunu trasferiti għal ġol-kumpanija l-ġdida li bi ħsiebu jwaqqaf.

Iżda x’se jiġri mill-ħaddiema tal-Air Malta għadu ħadd ma jaf, għalkemm il-Gvern, lil min ried mill-Air Malta, diġà offrielu post tax-xogħol komdu alternattiv kif seħħ fix-xhur li għaddew fir-rigward ta’ Karl Stagno Navarra li issa spiċċa fl-Awtorità tas-Sigurtà u l-Ħarsien tal-Ħaddiema fil-Post tax-Xogħol. Imma l-kumplament tal-ħaddiema tal-Air Malta qed jinżammu f’għama totali.

Dan qed ikompli jqanqal rabja fost l-istess ħaddiema tal-Air Malta għall-fatt li ħadd mit-tmexxija tal-kumpanija jew mill-Gvern ma hu qiegħed jinformahom x’qed jiġri u x’qed jitfassal għall-futur tal-Air Malta.

Sorsi li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li huma qed jisimgħu ħafna diskorsi dwar il-possibbiltà ta’ pjani min-naħa tal-Gvern biex ixolji l-Air Malta u minflokha titwaqqaf kumpanija oħra kif ġara fl-Italja meta l-Gvern Taljan kien xolja lill-Alitalia u minflokha waqqaf l-ITA Airways.

Dan kollu jista’ jidħol fis-seħħ kemm-il darba l-Kummissjoni Ewropea ma tapprovax il-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja għall-Air Malta u li jammonta s-somma ta’ €290 miljun. Jidher li min-naħa tagħha l-Kummissjoni Ewropea fil-ġimgħat li għaddew talbet lill-Gvern Malti biex min-naħa tiegħu jipproponi talba aktar realistika biex l-Air Malta tkun salvatha.

Ta’ min ifakkar li biex inaqqas mill-ispejjeż tal-Air Malta, fix-xhur li għaddew il-Gvern Laburista kien ħabbar diversi miżuri, inkluż li jnaqqas nofs il-ħaddiema minn fuq il-kotba tal-Air Malta u hekk minn total ta’ 890 ħaddiem, il-kumpanija tispiċċa b’420 ħaddiem.

Dakinhar il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien qal li l-ħaddiema tal-Air Malta li kienu se jispiċċaw minn fuq il-kotba tal-kumpanija kienu se jingħataw xogħol alternattiv mal-Gvern jew ma’ entitajiet tal-Gvern. Il-Ministru Clyde Caruana kien wiegħed ukoll skema ta’ irtirar kmieni għall-ħaddiema.

Il-ftehim iffirmat mill-ħaddiema tal-Air Malta fil-jiem li għaddew daħal fis-seħħ hekk kif l-istess ħaddiema ma kellhom l-ebda alternattiva għajr li jiffirmaw dan il-ftehim inkella – skont l-informazzjoni li ngħatatilhom – il-Ministru jxolji minnufih l-istess linja tal-ajru.

Meta l-ħaddiema, membri tal-General Workers’ Union, iddiskutew il-possibbiltà ta’ azzjoni industrijali, ukoll sabu ma’ wiċċhom it-theddida li din setgħet tinstiga lill-Ministru Clyde Caruana biex ixolji l-kumpanija u kulħadd jibqa’ b’ta’ fuqu senduqu.

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument urew xettiċiżmu kbir dwar kemm il-General Workers’ Union f’dan ix-xenarju kollu ħadmet tassew biex tissalvagwarda l-veru interessi tal-ħaddiema u mhux tal-Gvern Laburista.

Qalulna l-istess sorsi li probabbilment li kieku dan ix-xenarju seħħ meta fil-Gvern ma kienx hemm il-Partit Laburista, probabbilment li l-ħaddiema tal-Air Malta kienu jitniżżlu spiss fit-toroq biex jipprotestaw u jgħidu “issa daqshekk!” Imma minn dan kollu ma ġara xejn għaliex fil-Gvern hemm il-Partit Laburista u hu sigriet magħruf li l-GWU tibqa’ fil-but tal-Partit Laburista… aktar u aktar fil-Gvern meta tista’ tgawdi kif fil-fatt qed jiġri.

Fl-isfond ta’ dan il-kapitlu li issa nfetaħ f’din is-saga ‘Air Malta’, wieħed japprezza kif il-ħaddiema tal-Air Malta huma mweġġgħa b’dak kollu li qed jiġri u kif il-Gvern Laburista qiegħed litteralment jużahom.

L-istess ħaddiema tal-Air Malta qed ikomplu jesprimu dieqa u diżappunt għall-fatt li tul is-snin li għaddew dejjem inżammu fid-dlam u qatt ma kienu konsultati dwar xejn, biex issa qed ikollhom ikunu huma li jħallsu l-prezz għali li jiddabbru ’l barra mix-xogħol li kienu jagħmlu. 

Ħaddiema tal-Air Malta jsostnu li l-affarijiet ma sarux b’mod ġust għaliex hu faċli ħafna li finalment jintefa’ kollox fuq iż-żgħir u jkollu jġorr hu l-konsegwenzi kollha ta’ dan ix-xenarju. 

Kronoloġikament l-aħħar żviluppi tal-Air Malta bdew fl-aħħar xhur hekk kif il-Kummissjoni Ewropea kkomunikat mal-Gvern Malti u ppreżentat ir-Rapport Finali dwar il-finanzjament tal-Air Malta. Il-messaġġ prinċipali ta’ dak ir-Rapport Finali kien li l-Kummissjoni Ewropea, wara l-proċess ta’ konsultazzjoni li għamlet u wara li evalwat il-fatti kollha marbuta mat-talba tal-Gvern Malti, kienet se tagħti fazzjoni żgħira biss mit-talba ta’ €290 miljun li oriġinarjament kienet saret mill-Gvern Malti. 

Dan ir-Rapport Finali mill-ewwel xegħel bozza ta’ tħassib fil-Gvern u anki fil-kumpanija Air Malta, filwaqt li l-kelma bdiet timxi u bdiet tinħoloq sitwazzjoni ta’ tħassib fost l-impjegati. 

Fl-Air Malta hemm jaħdmu mad-900 ħaddiem u dan ir-Rapport Finali tal-Kummissjoni Ewropea, fil-konfront tal-istess ħaddiema, wassal messaġġ ta’ inċertezza għall-futur tal-Air Malta fejn hemm iservu mijiet ta’ ħaddiema.  

Barra minn hekk din is-sitwazzjoni ta’ tħassib u inkwiet kienet akbar għall-istess ħaddiema tal-Air Malta minħabba li l-awtoritajiet, li allura kienu jafu x’fih dan ir-Rapport Finali, għażlu li ma jikkomunikawhx b’mod immedjat lill-ħaddiema jew lill-erba’ unions rappreżentattivi tagħhom. Ingħad biss li kienet se ssir laqgħa mal-unions fil-jiem ta’ wara.  

Dan ix-xenarju wassal biex kibret it-tensjoni fost l-istess ħaddiema b’għadd ta’ spekulazzjonijiet u dan fl-isfond tal-fatt li l-awtoritajiet konċernati għażlu li ma jikkomunikawx mar-rappreżentanti tagħhom b’mod immedjat biex jinfurmawhom x’se tkun it-triq ’il quddiem għall-kumpanija li diġà għandha djun kbar. 

Sadattant f’reazzjoni nhar il-Ġimgħa għal dawn l-aktar żviluppi reċenti, l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li hi tqis dan il-ftehim għall-ħaddiema tal-Air Malta bħala l-aktar ftehim oxxen u bla preċedent fl-istorja tar-relazzjonijiet industrijali ta’ Malta.

Anki l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech tkellem dwar l-inċertezza li għaddejjin minnha bħalissa l-ħaddiema tal-Air Malta u qal li s-sitwazzjoni li tinsab fiha l-kumpanija nazzjonali tal-ajru hi waħda ta’ inċertezza kbira hekk kif Gvern Laburista f’dawn l-aħħar disa’ snin falla lil-linja nazzjonali tal-ajru. Dan hekk kif il-Gvern Laburista qatt ma kellu pjan serju ta’ kif isaħħaħ lil din il-kumpanija.

Bernard Grech fakkar kif il-ħaddiema tal-Air Malta kienu mwiegħda bosta affarijiet li qatt ma ġew implimentati.