Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Zelensky jakkuża lir-Russi dwar ‘rikatt fuq livell nukleari’

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, akkuża lir-Russja b’li qed tipprova thedded pajjiżu u lill-Punent dwar possibbiltà ta’ ‘olokawst nukleari’ – u meta hu fisser dan l-aġir bħala l-agħar tip ta’ rikatt.

Dan meta żdied l-inkwiet dwar is-sitwazzjoni fil-faċilità nukleari ta’  Zaporizhzhia, li hi anki l-akbar faċilità tat-tip tagħha fl-Ewropa u meta l-qawwiet Russi (li ilhom jokkupawha minn Marzu) qegħdin jużaw l-istess sit biex jattakkaw lill-ibliet tal-Ukreni.

In-Nazzjonijiet Uniti ilha l-ġimgħat twissi dwar il-potenzjal ta’ diżastru nukleari u issa Zelensky sostna li ‘kwalunkwe suldat Russu li jispara lejn il-faċilità jew jużaha għal skopijiet aggressivi għandu  jispiċċa mira speċjali għall-militar Ukren’.

Il-faċilità ta’ Zaporizhzhia tinsab fil-belt ta’ Enerhodar, maġenb ix-ix-Xmara Dnipro fin-nofsinar tal-Ukrajna. Dan meta r-Russi qed iħallu lill-istaff Ukren imexxi lill-faċilità u bl-istess ħaddiema qegħdin ikunu mhedda kuljum mis-suldati ta’ Moska.

In-NU wissiet li l-battalji kontinwi fil-madwar tal-faċilità kapaċi jwasslu għal diżastru nukleari li jaffettwa lil ħafna pajjiżi fl-Ewropa.

Dan waqt li r-Russi qed ikomplu jiċħdu li qegħdin jiksru xi regoli tas-sigurtà b’mod sfaċċat f’dak is-sit delikat.