Lokali

Il-Kummissarju tal-Pulizija jikkritika lill-ġudikatura

Il-Kummissarju tal-Pulizija jemmen li l-ġudikatura għandha bżonn iktar taħriġ u jħossu imweġġa’ meta jisma ċeru kummenti minn Imħallfin u Maġistrati.

Dan qalu l-Kummissarju innifsu f’intervista li saritlu mit-Times, u li matulha kritika b’mod mhux daqstant sottili lill-ġudikatura.

Fl-istess intervista huwa naqas milli jikkummenta dwar numru ta’ investigazzjonijiet li għadhom pendenti fosthom dwar il-każ tal-bank Pilatus u dwar il-kumpanija ‘Accutor’ fejn huwa involut l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kif ukoll dwar it-tfittxijiet li kienu saru fid-dar tiegħu. Ma weġibx lanqas dwar id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li twaqqa’ l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil fil-każ tal-hold-up li provaw jagħmlu fuq l-HSBC fl-2010.

Dwar il-persuni involuti fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Angelo Gafa qal li kull min kien involut tressaq il-Qorti… fejn skont hu, m’hemmx iktar persuni implikati f’dan il-każ li jridu jaffaċċjaw il-ġustizzja.

Mistoqsi dwar dak li qal George Degiorgio mill-ħabs, huwa sostna li informazzjoni biss mhux biżżejjed biex xi ħadd jitressaq il-Qorti; hemm bżonn li jkun hemm evidenza. Gafa żied jgħid li d-deċiżjoni finali jekk persuna titressaqx il-Qorti jew le hija tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

Skont il-Konferederazzjoni Ewropea tal-Pulizija, il-Korp Malti għandu konnessjonijiet mill-qrib mal-Gvern Laburista… b’Angelo Gafa jgħid li qatt ma kellu indħil mill-Prim Ministru Robert Abela. Għalkemm ammetta li jkun f’kuntatt miegħu.

Mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ membri ġodda fil-korp, il-Kummissarju tal-Pulizija stqarr biss li din hija problema f’kull settur.

Angelo Gafa qal li matul dawn l-aħħar sentejn li ilu fit-tmexxija tal-Korp, skont hu, il-fiduċja tal-poplu fil-Pulizija żdiedet.