Talanqas għaxar persuni spiċċaw midruba wara li raġel fetaħ in-nar fuq grupp ta’ devoti reliġjużi li kienu qed javviċinaw xarabank ipparkjat quddiem il-Ħajt Storiku – magħruf bħala l-Wailing Wall – fil-kwartier l-antik ta’ Ġerusalemm.
L-aggressur beda jispara proprju meta d-devoti kienu qed jirritornaw minn sessjoni ta’ talb f’dan is-sit qaddis u meta x-xarabank kien wieqaf viċin il-Qabar tar-Re David. Mifhum ukoll li l-istess aggressur, imbagħad, fetaħ in-nar ukoll fid-direzzjoni ta’ sit għall-parkeġġ fl-istess inħawi.
L-aħħar rapporti qalu, intant, li numru ta’ midruba – fosthom mara tqila – jinsabu f’periklu li jitilfu ħajjithom. Il-midruba jinkludu anki erba’ membri ta’ familja mill-Istati Uniti li dak il-ħin kienu għaddejjin bi żjara f’dik il-parti ta’ Ġerusalemm.
Il-movimenti tal-aggressur ma kenux iċċarati wara li hu ħarab minn fuq il-post immedjatament wara l-isparatura. Iżda rapporti oħra sostnew li l-aggressur – Palestinjan residenti f’Ġerusalemm tal-Lvant — ‘issa ċeda ruħu lill-awtoritajiet ta’ dik iz-zona’.
Eżattament wara l-attakk, iz-zona mtliet bil-pulizija armati waqt li d-devoti fl-inħawi kienu projbiti għal xi żmien milli joħorġu mill-kumpless tal-Wailing Wall.
Il-Wailing Wall hu fost l-aktar postijiet ta’ qima importanti għal-Lhud – b’eluf , kull sena, isiefru lejn Ġerusalemm proprju bil-ħsieb li jesprimu devozzjoni f’dan is-sit.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Yair Lapid, issa ħareġ stqarrija, fejn wiegħed li ‘kulmin kien involut f’dan l-attakk għandu jħallas prezz qares għal dak li sofrew iċ-ċivili’.
L-aggressjoni viċin il-Wailing Wall, sadanittant, kellha sseħħ ġimgħa wara li nqatlu kważi 50 persuna fil-Medda ta’ Gaza fuq perjodu ta’ tlett ijiem u waqt li l-qawwiet Iżraeljani kienu qed iwettqu l-attakki kontra l-mexxejja tal-grupp militanti (Palestinjan) tal-Ġiħad Iżlamiku. Fl-istess perjodu, dawn il-militanti kienu sparaw ‘il fuq minn 1,000 missila fid-direzzjoni ta’ Iżrael.
//= $special ?>

