Lokali

Muscat jgħid li jittama li Keith Schembri kien fuq in-naħa tiegħu

“Kelli fiduċja fih, u nittama li kien miegħi f’din iċ-ċirkustanza wkoll.”

Kliem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat waqt intervista li saritlu fl-aħħar episodju tal-podcast Who Killed Daphne?

Meta kien mistoqsi għaliex ħalla lil Keith Schembri spalla ma’ spalla miegħu bħala Chief of Staff meta bdew joħorġu aħbarjiet dwar il-konessjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech, Joseph Muscat qal li ġarrab ferita u  ħallas prezz qares għal dak li ġara. 

Dwar 17 Black, Muscat ammetta li ddiskuta l-kwistjoni ma’ Schembri, li sejħilha “private venture”.. liema kwistjoni ppjana li jkollu ma’ Fenech wara li jitlaq mill-politika. Din ir-rettorika inbiddlet kemm il-darba minn mindu Muscat irriżenja minn PM hekk kif waqt li kien għadu jokkupa din il-kariga, kien jgħid li qatt ma tkellem ma’ Schembri dwar dan.

L-ewwel darba li smajna b’17 Black kien fi Frar tal-2017 mingħand il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – fejn xhur wara ġew żvelati sensiela ta’ e-mails bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u l-eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi.

Dawn tal-aħħar ċaħdu kemm-il darba li għandhom rabta ma’ din l-kumpanija, minkejja li f’e-mail minnhom, iswed fuq l-abjad, intqal li l-kumpaniji li kellhom il-Panama, Hearnville u Tillgate kienu se jirċievu maż-żewġ miljun dollari diretti mingħand 17 BLACK – fi kliem sempliċi allegatament kickbacks mill-proġett tal-powerstation tal-gass.

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fench, Muscat qal li ma jara xejn ħażin, għax kulħadd kien jafu lil Fenech, u kulħadd xtaq li jkun fil-kumpanija tiegħu.