Futbol

Premier League Ingliż: Tottenham Hotspur isalvaw dro għand Chelsea fid-derby ta’ Londra….L-ewwel punti għal Notts Forest

Daqqa ta’ ras mill-attakkant prolifiku Harry Kane, sekondi mit-tmiem, salvat punt xi ftit iffortunat għal Tottenham Hotspur fid-derby ta’ Londra li ntemmet, 2-2, fi Stamford Bridge.

Chelsea kienu l-aħjar tim u kellhom aktar mil-logħob għal ħafn ħinijiet iżda Spurs għarrfu jisfruttaw il-ftit ċansijiet li ġewhom u għandhom iħosshom kuntenti ferm b’dan il-punt diffiċli.

Dawn ir-rivali ta’ Londra t-tnejn għandhom erba’ punti mill-ewwel żewġ logħbiet tal-istaġun, b’Chelsea jibdew aggressivi u bil-manager ta’ Spurs, Antonio Conte, jaddotta strateġija kawta u difensiva kontra l-eks tim tiegħu.

Il-gowl ta’ Chelsea kien fl-ajru u wasal fid-19-il minuta meta l-korner ta’ Marc Cucurella sab lil Kalidou Koulibaly ( l-akkwist il-ġdid mingħand Napoli) żmarkat, u bid-difensur Franċiż isammar ġewwa b’vollery mill-isbaħ.

Chelsea komplew ikunu l-aħjar tim anki wara l-mistrieħ iżda huma pattew għal diżattenzjoni tad-difiża meta Pierre-Emile Hojbjerg – kontra kull mistenni – għamilhom 1-1 b’xutt fil-baxx għar-rokna. Il-gowl qajjem mhux ftit tal-kontroversja, b’Chelsea jipprotestaw għal allegat fawl fuq Kai Haverts minn Rodrigo Betancur, waqt l-istess azzjoni.

Il-Blues baqgħu jemmnu u mill-ġdidhuma  marru fil-vantaġġ meta Reece James (77 ) sab ruħu żmarkat fuq l-assist ta’ Raheem Sterling biex jegħleb lill-gowlkiper Hugo Lloris għat-tieni darba.

Fl-aħħar ħinijiet, Spurs sfurzaw numru ta’ korners u – minkejja li d-difensur Cucurella kellu xagħru miġbud minn Kieron Dyer waqt korner minnhom – ir-referi Anthony Taylor, wara konsultazzjoni mal-VAR, saffar għal korner ieħor ta’ Spurs. Dan il-korner ‘in extremis’ li kien mogħti minn Ivan Perisic li sab lil Harry Kane li, minkejja li ssikkat mid-difensuri, xellef bir-ras għal ġewwa għat-2-2 drammatiku.

Il-logħba intemmet ftit minuti wara iżda d-drama kompliet permezz ta’ konfront jaħraq fuq it-touchline bejn il-managers Thomas Tuchel u Conte li kienu ilhom għaddejjin bil-battibekki matul it-tieni taqsima….Ir-referi Taylor wera l-ħamra liż-żewġ managers u meta f’dan il-konfront daħlu wkoll numru ta’ plejers u l-membri tal-coaching staff taż-żewġ tims. Kollox issa jindika li l-inċident , ‘il quddiem, se jgħaddi għall-investigazzjoni tal-panel dixxiplinarju tal-FA Ingliża.

Notts Forest jegħlbu lil West Ham fis-City Ground

It-tim neo-promoss ta’ Notthingham Forest kiseb l-ewwel tliet punti tal-istaġun għall-ispejjeż ta’ West Ham United li – minkejja li kellhom ħafna mil-logħob – kienu destinati li joħorġu b’idejhom vojta mis-City Ground.

It-Tricky Trees u l-Hammers it-tnejn kienu tilfu l-logħba tal-ftuħ tal-kampjonat ( ma’ Newcastle Utd u Manchester City, rispettivament) u dan il-konfront kien three-pointer importanti għal dawn iż-żewġ klabbs li qed jittamaw li jnaqqsu mill-pressjoni f’dan iż-żmien relattivament bikri tal-istaġun.

Ir-rebħa għal Forest hi wkoll sinifikanti meta wieħed iqis li t-tim ta’ Steve Cooper kien qiegħed fl-aħħar post ta’ The Championship daqs sena ilu. Iżda West Ham, mill-banda l-oħra, jistgħu jħossuhom sfortunati wara li kellhom diversi ċansijiet ta’ skor – fosthom il-penalty mitluf ta’ Declan Rice, fit-tieni taqsima.

Notts Forest kienu l-aktar perikolużi fl-ewwel taqsima u żblukkaw ir-riżultat sekondi qabel il-mistrieħ meta Taiwo Awoniyi (45+2) skorja b’first timer wara li l-ballun spiċċa għandu fuq it-tentattiv ta’ Jesse Lingard.

Fit-tieni taqsima, il-Hammers rebħu penalty għall-‘hands’ ta’ Scott McKenna fil-kaxxa, iżda l-gowlkiper Dean Henderson (misluf lil Forest mingħand Manchester United) salva x-xutt ta’ Rice mill-ħdax il-metru.

U waqt li Forest kellhom ‘gowl’ ieħor ta’ Brennan Johnson imħassar għal offside ( fuq intervent tal-VAR), West Ham ukoll heddew serjament li jidħlu fil-logħba b’żewġ tenattivi mill-bogħod – minn Pablo Fornals u Said Benrahma – li stampaw mal-lasta.

Ċans kbir ieħor għall-Hammers kien meta d-difensur ta’ Forest, Harry Toffolo, irnexxielu jiċħad gowl ċert għal Tomas Soucek bi clearance f’waqtu fuq il-linja fatali.