Internazzjonali

Salman Rushdie: Il-kundizzjoni tal-awtur taqleb xi ftit għall-aħjar

(FILES) In this file photo taken on September 10, 2018, British novelist and essayist Salman Rushdie poses during a photo session in Paris. Salman Rushdie, who spent years in hiding after an Iranian fatwa ordered his killing, was on a ventilator and could lose an eye following a stabbing attack at a literary event in New York state on August 11, 2022. (Photo by JOEL SAGET / AFP)

L-awtur Salman Rushdie – li kiseb fama internazzjonali għall-ktieb kontroversjali ‘The Satanic Verses’ – tneħħa minn fuq ventilatur, bis-sitwazzjoni tiegħu tkun imfissra bħala stabbli, jumejn wara li hu kien spiċċa midrub minn aggressur fl-Istat ta’ New York (Stati Uniti).

L-attakk – fejn l-awtur ġarrab daqqiet ta’ sikkina f’għonqu, f’wiċċu u f’żaqqu — seħħ  meta  hu kien qed jipprepara taħdita fiċ-Chautauqua Institution (għall-arti u l-edukazzjoni), fl-Istat ta’ New York.

Intant, Rushdie – li kien spiċċa f’sitwazzjoni kritika għal sigħat wara l-attakk – issa jista’ jitkellem mill-ġdid u bir-rapporti jgħidu li l-awtur ta’ 75 sena anki ‘qed jipprova jiċċajta dwar dak li kellu jgħaddi minnu’.

Il-ktieb The Satanic Verses, li ħareġ fl-1988, kien qanqal reazzjoni furjuża fost il-komunitajiet tal-Iżlamiċi madwar id-dinja, b’għexieren ta’ eluf ta’ Musulmani jsostnu li ‘il-karatterizzazzjoni (fil-ktieb) tal-Profeta Muhammad, il-fundatur tal-Islam, kienet insult kbir lill-fidi tagħhom’.

Dan waqt li l-eks Ayatollah tal-Iran, Ruhollah Khomeini, kien iddikjara sentenza tal-mewt għal Rushdie dwar ‘iż-żebligħ tal-Islam’ u bir-riżultat li l-awtur kellu  jgħix għal għaxar snin taħt periklu kontinwu.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-aggressur. Hadi Matar, li tressqulu l-akkużi dwar l-attakk tal-Ġimgħa fuq Rushdie, wieġeb li mhux ħati dwar attentat ta’ qtil u bħalissa qed jinżamm taħt arrest – mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ libertà proviżorja.

Jidher, intant, li Rushdie jinsab f’periklu li jitlef il-vista minn għajn waħda u meta fl-istess attakk tal-Ġimgħa spiċċa jweġġa’ ħafif Henry Reese li kien qed jipprepara biex jintervista lil dan l-awtur. Reese hu l-ko-fundatur ta’ organizzazzjoni li tipprovdi l-kenn lill-awturi eżiljati minn arthom u li qed ikunu suġġetti għall-persekuzzjoni mill-awtoritajiet ta’ diversi Stati.

Fil-fatt – u qabel spiċċa attakkat fuq il-palk – Salman Rushdie kien qed jipprepara għal diskors dwar kif l-Istati Uniti ilha s-snin tipprovdi refuġju għall-awturi u kittieba li bħalu spiċċaw vittmi tal-intolleranza u ‘mibgħeda għamja mingħajr raġuni valida’.