Internazzjonali

Afganistan: Sena ta’ poter u ripressjoni mit-Taliban…bil-poplu għadu qed jiffaċċja futur inċert

L-awtoritajiet tat-Taliban qed jiċċelebraw vaganza nazzjonali biex ifakkru l-ewwel sena (anniversarju) mindu l-militanti Islamiċi ħatfu lura l-poter f’Kabul – u l-parti kbira tal-Afganistan.

L-aħħar sena, intant, kienet karatterizzata bir-ripressjoni ta’ poplu – partikularment in-nisa u l-komunitajiet f’minoranza – b’din iċ-ċelebrazzjoni ssir meta t-Taliban ilhom l-aħħar tnax-il xahar iżolati fuq livell internazzjonali.

Sadanittant, it-Talibani qed jippruvaw jippreżentaw iċ-ċelebrazzjoni tal-anniversarju bħala ‘trijonf kbir’ u meta fl-aħħar sigħat spikkaw il-parati tal-membri tal-grupp u s-sostenituri tagħhom fit-toroq ta’ Kabul….Toroq li spiċċaw imżejnin bil-bnadar suwed u bojod.

Fil-verità, l-anniversarju kien iċċelebrat fi żmien meta l-poplu Afgan qed jiffaċċja kriżi dejjem akbar fuq livell ekonomiku u umanitarju. Dan waqt li ħafna rġiel fil-pajjiż ma jistgħux isibu x-xogħol u meta l-iskejjel sekondarji tal-bniet ilhom magħluqin għal dawn it-tnax il-xahar.

Mifhum li xi mexxejja reliġjużi tat-Taliban huma kontra l-programmi tat-tagħlim għall-ibniet Afgani, waqt li xi kelliema għat-Talibani qed jgħidu li l-ogħla kapijiet Iżlamiċi qegħdin jippruvaw isibu ‘soluzzjoni’.

Il-waqgħa mill-ġdid ta’ Kabul lit-Taliban, fil-15 ta’ Awwissu tal-2021, segwiet id-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex tirtira lit-truppi tagħha mill-Afganistan sa Settembru ta’ dik is-sena. Intant, ir-Renju Unit ukoll kien irtira lis-suldati tiegħu mill-artijiet Afgani fejn kienu ilhom is-snin jippruvaw iħarsu s-sigurtà minkejja t-theddida kontinwa mit-Talibani.

Sena ilu spikkaw anki x-xeni ddisprati fl-ajruport ta’ Kabul fejn eluf ta’ nies kienu qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jitilqu mill-pajjiż ħalli ma jgħixux taħt it-Taliban. F’dawk il-jiem ta’ tensjoni numru kbir ta’ Afgani anki ppruvaw jaqbdu mal-ajruplani li ma setgħux jieħdu aktar nies u waqt li dawn qed jirrankaw biex itiru mill-mitjar ta’ Kabul.

Illum, ‘il fuq minn 6,000 Afgani u qrabathom li għamlu żmien jaħdmu u jikkooperaw mal-militar Britanniku għadhom ‘maqbudin’ fl-Afganistan u fejn ilhom l-aħħar xhur jiffaċċjaw destin mill-aktar inċert.

Fl-istess ħin, ma naqasx il-periklu li huma, xi darba, jispiċċaw iffuċillati mit-Talibani bħala ‘tradituri li kkollaboraw mal-għadu’.