Internazzjonali

Awstralja: Investigati ‘ir-rwoli ministerjali sigrieti’ tal-eks Prim Ministru Morrison

Il-Prim Ministru tal-Awstralja, Anthony Albanese, se jinvestiga rapporti li l-Prim Ministru ta’ qablu, Scott Morrison, waqt l-amministrazzjoni preċedenti, kien assuma tliet rwoli Ministerjali mingħajr ħadd ma kien jaf bihom.  

L-istampa lokali qalet li Morrison kien sar ‘joint minister’ għad-deskasteri tas-saħħa, il-finanzji u r-riżorsi matul is-sentejn qabel hu kien tilef il-poter f’Mejju.

Issa, Albanese qal li se jfittex parir legali dwar id-deċiżjonijiet li saru qabel hu assuma l-Gvern u li fissirhom bħala ‘strambi u inaċċettabbli’. Intant, Scott Morrison baqa’ ma kkummentax dwar dawn ir-rapporti.

Madankollu,  Il-Gvernatur-Ġenerali David Hurley – bħala r-Rappreżentant tar-Reġina Eliżabetta fl-Awstralja – ikkonferma li hu kien iffirma ‘strument amministrattiv’ li ppermetta biex Morrison jieħu d-dekasteri b’mod sigriet ‘u b’mod li kien konsistenti ma’ sezzjoni 64 tal-Kostituzzjoni Awstraljana’.

Madankollu, Anthony Albanese, l-esperti tal-liġi u l-eks kollegi ta’ Scott Morrison ikkritikaw ‘il-mantell  tas-segretezza’ f’din il-kwistjoni, fost rapporti li numru ta’ Ministri ‘lanqas biss kienu jafu li li kienu qegħdin jaqsmu d-deskasteri rispettivi mal-eks Prim Ministru Awstraljan’.