Internazzjonali

Gwerra fl-Ukrajna: Attakk bl-artillerija fuq ‘il-merċenarji ta’ Vladimir Putin’

L-artillerija tal-Armata Ukrena fetħet bumbardament fuq il-kwartieri-ġenerali tal-grupp paramilitari Wagner fil-lvant tal-Ukrajna u li l-membri tiegħu qed jissemmew b’konnessjoni ma’ reati tal-gwerra u abbużi tad-drittijiet umani. . Il-kwartieri-ġenerali li ntlaqtu mill-artillerija Ukrena jinsabu f’Popasna u meta mhux magħruf l-ammont tal-vittmi li rriżultaw minn dan l-attakk.

Il-grupp Wagner hu magħmul minn ġellieda paramilitari magħrufin għall-brutalità eċċessiva u li allegatament, fl-aħħar snin, wettqu l-massakri ta’ ċivili f’pajjiżi bħal-Libja, is-Sirja, il-Mali u r-Repubblika Afrikana Ċentrali.

Il-Wagner hu ġeneralment magħruf bħala kumpannija militari privata, iżda l-membri tiegħu, fil-verità, qed jaġixxu bħala merċenarji sponsorjati mill-Istat tar-Russja u li jidħlu dejjem għall-azzjonijiet fl-interessi tal-Kremlin.

Fil-fatt, qed ikun allegat li l-Wagner iservi bħala ‘l-Armata privata tal-President Russu Vladimir Putin’ avolja dan il-grupp mhux rikonoxxut mill-Kremlin.

L-istess grupp, fl-2014, kien anki stazzjonat fil-Krimea u r-reġjun Ukren tad-Donbas meta l-qawwiet appoġġjati mill-Kremlin qaċċtu lis-suldati Ukreni minn dawn l-artijiet u b’Moska, wara, tiddikjara l-artijiet bħala parti mir-Russja.

U għalkemm il-Kremlin ma tammettix għa l-eżistenza tal-Wagner, is-servizzi sigrieti tal-Punent huma konvinti dwar il-konnessjoni bejn il-grupp, taħt it-tmexxija ta’ Yevgeny Prigozhin, u l-President Putin. Prigozhin hu mlaqqam bħala ‘Chef ta’ Putin’ għaliex jieħu ħsieb ukoll is-servizzi tal-catering għall-Mexxej Russu l-qawwiet armati ta’ Moska.  

Prigozhin, l-istess bħal ħafna uffiċjali Russi oħrajn, spiċċa suġġett għas-sanzjonjiet tal-Punent relatati mal-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi tal-Kremlin.