Futbol Sport

Ħamrun Spartans jirrispondu għall-appell ta’ Levski Sofia

Kif żvelat minn paġna Replay (Net Television) fl-aħħar jiem, illum Hamrun Spartans Football Club ressqu difiża b’saħħitha kontra l-appell ta’ PFC LEVSKI biex il-logħba tal-Conference League bejn iż-żewġ partijiet terġa’ tintlagħab.Biex ħejjew id-difiża tagħhom, Hamrun Spartans kellhom tim fenomenali ta’ esperti tal-logħba, esperti tar-regoli tal-futbol, eesperti tar-refereeing kif ukoll persuni b’esperjenza legali vasta.

Minbarra r-rappreżentati legali Dr Carlo Rombola’ u Dr David Farrugia Sacco għal Ħamrun Spartans , il-Malta Football Association offriet is-servizzi tal-ogħla organi tagħha biex jassistu lill-klabb, fosthom lill-President Bjorn Vassallo, li ħadem fl-ogħla organi tal-futbol internazzjonali, l-istess bħas-Segretarju Ġenerali Angelo Chetcuti, l-avukat u Viċi-President Matthew Paris kif ukoll il-Viċi President Adrian Casha, eks-referee b’karriera internazzjonali mill-aqwa.

Jassistu lil Ħamrun Spartans kien hemm ukoll il-Kap tad-Dipartiment tar-Referees Alan Mario Sant, hu wkoll eks referee internazzjonali u fost l-iktar aġġornati mar-regoli tal-futbol, l-uffiċjali ta’ Hamrun Spartans Football Club Victor Cassar u Paul Borg, li ilhom snin involuti fil-futbol, u s-Segretarju Ġenerali ta’ Ħamrun Spartans Stephen Saliba.