Lokali

“Kienet barka li l-bomba ma ħaditx” – It-80 anniversarju mill-wasla tal-konvoj ta’ Santa Marija

Illum qed niċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija – festa li għandha wkoll sinifikat ieħor storiku għal pajjiżna, hekk kif 80 sena ilu f’Malta daħal il-famuż konvoj ta’ Santa Marija

Il-Gwerra kienet bdiet tħalli l-effett taghha – bil-poplu Malti kien qed ibati l-ġuħ u l-għaks. Malta kellha ħtieġa kbira għall-ikel u bżonn ta’ mediċini. It-Tieni Gwerra Dinjija issa kienet ilha għaddejja erba` snin, u pajjiżna kien għad fadalu biss provvisti għal ftit jiem.

Lejn Malta kellhom jaslu 17-il bastiment. Waslu biss ħamsa li rnexxilhom jeħilsuha mill-qilla tal-għadu, bi vjaġġ li waqaf f’Ġibilta.

Il-vjaġġ ra serje t’attakki mill-għadu, fosthom minn 540 ajruplan, attakki minn sottomarini kif ukoll attakki minn fuq il-baħar. L-għadu ried jeqred għal kollox din l-operazzjoni hekk kif kien konxju li Malta kienet waslet fit-tarf, u lesta li ċċedi jekk ma tasalx għajnuna mill-alleati.

Lejliet Santa Marija l-poplu dar ghat-talb lejn l-Assunta. U fl-14 tax-xahar deher il-Konvoj Operation Pedestal dieħel fil-Port il-Kbir.

Kienet barka li l-bomba ma ħaditx” – Giovanni DeMartino

Net News tkellem ma’ Giovanni DeMartino fejn irrakkonta l-ħruxija tal-Gwerra u kif ukoll l-attakk li kien seħħ fuq ir-Rotunda tal-Mosta.

“Meta waqgħet il-bomba jien kont fix-xelter, m’ommi, u f’daqqa waħda ġew partita nies li ħarġu mill-Knisja wara li waqgħet il-bomba. Kien hemm missieri u ħija fil-knisja u naħseb kien hemm 300 persuna oħra. Dawn beżgħu u ħarġu jiġru… minjaf x’ġenn kien hemm dak il-ħin.

Meta tkun fix-xelter tħoss l-art titriegħed, u taħseb li l-art ġejja fuqek.

Daħal xi ħadd fix-xelter u beda jgħajjat li nofs il-knisja mwaqqa’. Il-pjazza kienet qisha battleground, irmied iswed nieżel u fuq il-knisja waqgħu bombi oħra li kienu żgħar u li farku partijiet oħra tal-knisja.”

F’Jum l-Assunta, bin-nies fuq is-sur, ilkoll fis-silenzju jaraw ix-xena ta’ quddiemhom… fil-Port il-Kbir jasal il-bastiment Ohio, li wara vjaġġ twil, irnexxielu jitrakka max-xatt fid-9.30am, vjaġġ li fl-aħħar kien iebes mhux ħażin, b’dan il-bastiment ikun mgħejjun minn għadd ta’ dgħajjes oħra biex jibqa’ fil-wiċċ.

Il-bastiment Ohio kellu l-aktar provvista kruċjali, fjuwil, mediċina u dqiq, bil-poplu Malti, 80 sena wara baqa’ jsejjaħ dan il-konvoj bħala dak ta’ Santa Marija: il-konvoj li salva lill-Maltin tul it-Tieni Gwerra Dinjija.