Sport Sport Ieħor

It-Timijiet Nazzjonali Maltin jaslu lura mill-44 edizzjoni tal-Olimpijadi taċ-Ċess f’Chennai, l-Indja.

Il-kontinġent Malti taċ-ċess biż-żewġ timijiet nazzjonali tan-nisa u l-irġiel għadu kif irritorna mil-44 edizzjoni tal-Olimpijadi taċ-Ċess li saru ġewwa Chennai, l-Indja. L-Olimpijadi li jsiru kull sentejn, kienu oriġinarjament ippjanati li jsiru f’Moska, iżda minħabba ċ-ċirkustanzi attwali, ġie deċiż li l-logħob jimxi lejn l-Indja ftit aktar minn erba’ xhur ilu. Minkejja ż-żmien qasir li kellha għat-tħejjija, l-Indja rnexxielha taqbeż l-aspettattivi kollha u l-pajjiż irnexxielu jorganizza dak li hu meqjus bħala wieħed mill-akbar u l-aqwa Olimpijadi. Il-President tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess Geoffrey Borg, li huwa ferm rispettat bħala espert fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti internazzjonali kbar, kien involut fit-tħejjija ta’ dawn l-Olimpijadi bħala konsulent. Huwa kien ukoll id-Delegat tal-FIDE fl-istess Olimpijadi.

L-Arbitru Internazzjonali Noel Grima kien ukoll parti mill-kontinġent bħala arbitru tal-Olimpijadi tan-Nisa. It-tim tan-nisa Maltin kien iffurmat minn Filipina Thornton (bord 1), Jamie Farrugia (bord 2), Uranchimeg Psaila (bord 3), Milena Stagno (bord 4) u Hayley Thornton (riżerva). Fl-eta’ ta’ 11-il sena Hayley, kienet waħda mill-iżgħar parteċipanti f’dan l-Olimpijadi u ġibdet ħafna attenzjoni mill-midja internazzjonali u l-pubbliku. Peter Sammut Briffa kien il-kaptan tat-tim. 

It-tim tan-Nisa ikklassifika kif kien mistenni. Fil-bidu tal-Olimpijadi, it-tim kien ikklassifikat fil-107 post u wara l-kisba ta’ 4 rebħiet u draw minn 11-il partita, il-pożizzjoni finali tat-tim kienet fl-110 post konġunt. Malta għelbet lil Bhutan (3 ½ – ½), Eritrea (3 ½ – ½), Eswatini (3-1) u Mauritius (2 ½ – 1 ½). Malta ġabet draw kontra Wales (2-2). It-tim Malti tilef kontra l-Greċja (0-4), il-Bangladesh (0-4), New Zealand (0-4), l-Iraq (½-3 ½), in-Nikaragwa (0-4) u s-Sirja (1-3). Fuq livell individwali, fl-ewwel bord, Filipina kisbet 5.5 punti minn 9 logħbiet u irnexxielha ittejjeb il-klassifikazzjoni personali tagħha. Jamie ġabret 3 punti, Urna 1 ½ punti, Milena 3 punti u Hayley 3 punti. Il-prestazzjoni ta’ Hayley f’dan l-ewwel Olimpijadi tagħha kienet storja ta’ suċċess għat-tim Malti. Minkejja l-età żgħira tagħha, hi rnexxielha tirbaħ 3 logħbiet – li tnejn minnhom għenu sabiex tinkiseb rebħa u draw għal Malta. Hayley irnexxielha wkoll tikseb rating personali ta’ 1343.  

 L-Olimpijadi tan-Nisa ntrebħu mill-Ukrajna, bil-Georgia tikseb il-Fidda u l-Indja tieħu l-Bronż. It-tim tal-Irġiel kien kompost minn Jake Darmanin (bord 1), David Cilia Vincenti (bord 2), Colin Pace (bord 3), Duncan Vella (bord 4) u Jack Mizzi (riżerva). Għal Jack, li fl-età ta’ 16-il sena huwa l-Junior Under 20 Champion ta’ Malta, din kienet l-ewwel esperjenza tiegħu f’Olimpijadi. Robert Novak kien kaptan tat-tim. It-tim tal-Irġiel kien ikklassifikat fil-116-il post fil-bidu tal-Olimpijadi, iżda spiċċa fil-144 post konġunt wara 4 rebħiet minn 11-il partita iebsa. Malta għelbet lil Timor-Leste (3-1), Fiji (3-1), Palestina (2½ – 1½) u Santa Luċija (3-1). It-tim Malti tilef kontra s-Serbja (0-4), l-Ekwador (1-3), il-Yemen (½-3½), l-Iraq (0-4), Sao Tome u Principe (1½-2½), il-Faroe Islands (½-3½) u s-Sudan (1-3). Malta bdiet tajjeb u żammet il-pożizzjoni tagħha kif kien mistenni, sakemm waslet it-telfa diżappuntati fit-tmien round kontra Sao Tome & Principe.

Wara din it-telfa, il-polza laqqet lil Malta ma’ avversarji u logħbiet diffiċli, u irnexxielha biss takkwista rebħa waħda mill-aħħar 3 rounds.Fuq livell individwali, inkisbu riżultati tajbin minn Colin li waqt il-logħba kontra l-Ecuador, għeleb lill-International Master (IM) Bastidas li għandu rating ta’ 2351.

Duncan kontra IM Rodgaard b’rating ta’ 2324, irnexxielu jikseb draw waqt il-logħba kontra l-Faroe Islands. Jack kellu prestazzjoni tajba ħafna u kien biss rebħa waħda ‘l bogħod milli jikseb it-titlu ta’ Candidate Master. Fl-aħħar round, Jack irnexxielu jżomm pożizzjoni ferm tajba waqt il-logħba kontra avversarju b’rating ferm ogħla minn tiegħu. Mizzi irrifjuta diversi opportunitajiet ta’ draw fit-taqbida tiegħu għar-rebħ. Sfortunatament, wara aktar minn 5 sigħat ta’ logħob, Jack tilef din il-logħba tant missielta. Il-logħba ta’ Jack kienet waħda mill-aħħar logħbiet li spiċċaw fl-aħħar mumenti tat-tmiem tal-Olimpijadi.  Fuq il-bord, Jake ġabar 3 punti minn 9 logħbiet, David 3½ punti minn 8 logħbiet, Colin 3 punti, Duncan 3 punti u Jack 3½ punti. Is-sezzjoni Open tal-Olimpijadi intrebħet b’mod sorprendenti mill-Użbekistan, bl-Armenja u l-Indja2 li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Waqt din l-Olimpijadi f’Chennai, saru l-elezzjonijiet tal-FIDE (il-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċess) u Arkady Dvorkovich ġie kkonfermat bħala president tal-FIDE għall-4 snin li ġejjin. L-Olimpijadi li jmiss fl-2024, ġew kkonfermati li ser isiru f’Budapest, l-Ungerija.