Lokali

Jaħarbu mill-post wara ġlieda f’Birkirkara

Żewġ persuni weġġgħu gravi wara ġlieda li seħħet il-bieraħ waranofsinhar f’Birkirkara, b’uħud mill-persuni involuti jirnexxielhom jaħarbu mill-post.

Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta tal-5:15pm meta l-Pulizija intalbet għall-għajnuna wara argument bejn grupp ta’ nies fi stabbiliment fi Triq is-Santwarju.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u l-ewwel investigazzjonijiet juru li grupp ta’ nies qajmu argument u aggredew raġel ta’ 38 sena residenti l-Mosta u mara ta’ 48 sena residenti s-Siġġiewi. L-aggressuri ħarbu minn fuq il-post sakemm waslet il-Pulizija.

Tim mediku ta l-għajnuna u ambulanza ħadithom l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin filwaqt li qed jinżammu tliet irġiel sabiex jassistu fl-investigazzjonijiet.