Lokali

Kaptan ta’ bastiment tas-sajd arrestat fuq akkużi ta’ sajd illegali

Il-Kaptan ta’ bastiment tas-sajd Tuneżin inżamm arrestat mill-awtoritatjiet Maltin fuq suspett ta’ sajd illegali fl-ibħra territorjali Maltin.

L-arrest tal-kaptan seħħ wara li l-Pulizija tal-Għassa tal-Belt Valletta flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura u l-Forzi Armati ta’ Malta, spezzjonaw il-bastiment tas-sajd Tuneżin li
kien għadu kif trakka f’Xatt il-Barrieri.

Dalgħodu fil-Marsa Landing Facility, l-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Pulizija komplew jinvestigaw u rriżulta li l-bastiment ma kellux liċenzji biex jintuża għas-sajd fl-ibħra territorjali ta’ Malta.

Kien hawn li l-Kaptan, Tuneżin ta’ 29 sena, ġie arrestat mill-Pulizija filwaqt li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kkonfiskaw madwar 500 kilogramma ta’ ħut u tagħmir tas-sajd.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.