Lokali

Kuntistabbli ferut fil-Ħamrun wara l-arrest ta’ raġel miċ-Chad; sabulu fuqu teka tal-ostji

Matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tal-11pm il-Pulizija tal-Għassa tal-Ħamrun ġiet infurmata li hemm raġel suspettuż idur mal-karozzi pparkjati u qiegħed jipprova jisgasshom.

Fuq din l-informazzjoni, il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post indikat iżda ma sabux lill-allegat suspettat. Għaldaqstant, il-Pulizija bdiet mill-ewwel bit-tfittxija għal dan ir-raġel u meta kienu fi Triq Mile End, innutaw persuna li kienet taqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat.

Malli l-Pulizija avviċinawh, dan ħarab jiġri minn fuq il-post. Il-Pulizija ġrew warajh, sakemm laħquħ u ġie arrestat ftit ‘l bogħod. Waqt l-arrest ir-raġel ma bediex jikkopera u anke kien vjolenti fil-konfront tal-Pulizija tant li kkawża xi ġrieħi lil Kuntistabbli. Malli kien immanettjat, il-Pulizija għamlet tfittxija fuqu u nstabu teka tal-ostji, tliet mobiles u arloġġ, fost affarijiet oħra misruqa.

Ir-raġel, li aktar tard ġie indetifikat li huwa miċ-Chad u għandu 22 sena, ittieħed l-Għassa talĦamrun u wara ġie eskortat lejn il-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Il-Kuntistabbli ngħata l-għajnuna medika f’ċentru tas-saħħa u ġie ċċertifikat bi ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.