Festi Lokali

Malta tiċċelebra l-festa ta’ Santa Marija

Dalgħodu, pajjiżna ċċelebra l-festa tal-Assunta – il-festa ta’ Marija imtella’ s-sema.

F’ċelebrazzjoni li saret fil-Bażilika tal-Mosta, Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna silet tagħlimiet li joħorġu mill-vjaġġ li għexet Marija flimkien ma’ binha Ġesu’; minn qabel it-twelid sal-mewt. U stqarr li l-figura ta’ Sidtna Marija hija turija ta’ kemm fil-ħajja ma rridux naqtgħu qalbna.

Mons. Scicluna qal li Santa Marija hija sinjal għalina, “biex nifhmu li l-ġenna hi d-destinazzjoni tagħna”.

Fil-Mosta, l-Arċisqof fakkar fost l-oħrajn kif din is-sena qed jitfakkar it-80 anniversarju minn meta bomba tal-gwerra laqtet lit-tempju ta’ din il-lokalità. Hawn, emozzjonat, l-Arċisqof stqarr li l-knisja tal-Mosta inħelset “bil-ħarsien ta’ Marija”.

Ritratt: Martin Agius

Fil-15 t’Awwissu din il-festa tal-Assunta tiġi ċċelebrata fl-irħula tal-Qrendi, l-Imqabba, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħ’Attard, il-Mosta u r-Rabat Għawdex. Magħhom f’dan il-jum jingħaqdu l-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara, il-Knisja ta’ Santa Marija f’Ħal Tarxien u l-Knisja tas-Samra fil-Ħamrun, it-tlieta dedikati lil Santa Marija, li normalment jfakkru l-15 t’Awwissu b’funzjonijiet liturġiċi fl-istess knejjes.

Ma’ dawn imbagħad il-Ħadd li ġej jiġu ċċelebrati l-Festi ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli, l-Imġarr u ż-Żebbuġ Għawdex, apparti numru ta’ kappelli ddedikati lil Marija Assunta f’Ħax-Xluq is-Siġġiewi u f’Tal-Ħlas Ħal Qormi, fost l-oħrajn.