Internazzjonali

Stati Uniti: Tħassib wara suwiċidju u mumenti ta’ tensjoni f’Capitol Hill

L-awtoritajiet f’Washington għadhom qegħdin jinvestigaw il-każ kurjuż ta’ raġel li spiċċa jikkommetti suwiċidu ‘fuq il-post’ wara li kien saq il-karozza tiegħu direttament għal ġo barrikata viċin il-binja tal-Capitol fiċ-ċentru tal-kapitali Amerikana.

L-istess awtoritajiet, fl-aħħar sigħat, ma żvelaw xejn dwar l-iskopijiet potenzjali tar-raġel u meta sal-bieraħ ma setax ikun eskluż attentat ta’ terroriżmu anki jekk ma kienx hemm daqstant nies fl-inħawi waqt il-ħin tal-inċident.

Intant, il-pulizija li kienu għassa ta’ dik iz-zona rreaġew minnufih għall-‘emerġenza’ wara li r-raġel hareġ mill-vettura tiegħu – li sa dak il-ħin kienet inħakmet min-nirien minħabba d-daqqa mal-barrikata – u fejn beda jispara xi tiri fl-ajru.

Kien waqt li l-uffiċjali tas-sigurtà bdew jersqu lejh u jippruvaw jikkalmawh li r-raġel – li jingħad li kellu 29 sena — qabad u dawwar l-arma fuqu nnifsu u spara tir fatali..

Sadanittant – u għalkemm jista’ hemm diversi raġunijiet għalfejn ir-raġel aġixxa b’dan il-mod – l-awtoritajiet huma mħassbin dwar il-fatt li hu seta’ wettaq azzjoni ta’ dan it-tip fiz-zona viċin il-Capitol fejn hemm is-sigurtà massima. 

Fl-istess ħin, u waqt li ‘il-possibbiltajiet kollha kienu għadhom fuq il-mejda’ ħarġet stqarrija uffiċjali  li ma jidhirx li l-aggressur kellu xi membri tal-Kungres fil-mira– u meta dawn il-membri, bħalissa, qegħdin igawdu l-btajjel tas-sajf.