Lokali

Tfajla ta’ 16-il sena tweġġa’ gravi f’inċident bejn żewġ karozzi

Tfajla ta’ 16-il sena li kienet passiġġiera f’karozza kellha tittieħed l-Isptar wara inċident li seħħ lbieraħ fis-6:30pm fil-limiti Tas-Salib, ir-Rabat.

Il-Pulizija marret mill-ewwel fil-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Hyundai Amica misjuqa minn raġel ta’ 66 sena residenti l-Imtarfa u Honda Civic misjuqa minn ġuvni ta’ 18-il sena residenti Ħad-Dingli. Fil-Honda kien hemm ukoll it-tfajla ta’ 16-il sena.

Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lir-raġel ta’ 66 sena u lit-tfajla l-Isptar Mater Dei għall-aktar assistenza medika, fejn aktar tard huwa ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif filwaqt li t-tfajla ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.