Tal-qtates kien “każ sfortunat”.
Hekk qalet is-Segretarju Parlamentari għas-sajd, l-akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Buġeja Said meta dan l-istazzjon affaċjaha bid-domandi dwar il-każ tal-qtates li mietu ffriżati ftit tal-ġranet ilu – każ serju li xxokja lil bosta.

Dan il-każ seħħ il-ġimgħa li għaddiet sakemm dawn il-qtates twasslu mill-Isptar f’Ta’ Qali s’għand il-persuna li kienet se tieħu ħsiebhom, fejn spiċċaw esposti għal kesħa qawwija li wasslithom għal hypothermia u eventwalment mietu. B’attivisti jgħidu li din hija traġedja li setgħet ġiet evitata.
Alicia Buġeja Said ikkonfermat li nfetħet investigazzjoni dwar dan il-każ. U skont hi, dan il-vann kien approvat minn veterinarju u allura moħħhom kien mistrieħ rigward is-sigurta’ ta’ dawn il-qtates. S’issa, għadu mhux ċar min se jġorr responsabbiltà għal dak li seħħ lil dawn il-frieħ tal-qtates iżda mistenni li joħroġ aktar informazzjoni fuq dan il-każ.
Intant, fid-domandi tagħna, għamilna wkoll referenza għal dak li qed iseħħ bħalissa fix-xelter tal-Għammieri illi jinsab kompletament mimli. U allura, mhux il-klieb kollha li jinstabu jiġru barra qegħdin jinġabru.
Il-klieb li qed jinġabru huma biss dawk li l-aktar għandhom ċans li jiġu adottati u dawk li għandhom mard serju.
Minn naħa tagħha, Alicia Bugeja Said qalet li hemm ftehim ma’ xelters privati biex tigi indirizzata din il-problema. Barra minn hekk, jidher li hemm pjanijiet sabiex jinfetaħ ċentru ġdid għall-klieb abbandunati f’Ta’ Qali.