Lokali

Il-Gvern għandu jaġixxi minnufih biex l-anzjani f’San Vinċenz jkunu protetti – PN

Dwar il-każ ta’ Karmenu Fino, li ħarġ mir-Residenza San Vinċenz de Paul fit-2.45am bla ma ħadd induna u bil-Management tagħmel ir-rapport mal-Pulizija f’11.45am – jiġifieri disa’ sigħat wara – il-Partit Nazzjonalista iħoss li hu ingust li l-Gvern qed ikompli jitfa’ l-ħtija kollha fuq l-istaff ta’ San Vinċenz mingħajr ma jammetti li jeżistu nuqqasijiet fis-sistema tar-Residenza.

Hekk qal il-PN, fi stqarrija maħruġa mid-deputat Paula Mifsud Bonnici.

Mir-Rapport tal-Imħallef Irtirat Geoffrey Valenzia joħroġ ċar li hemm diversi nuqqasijiet fis-sistema f’din ir-Residenza, tant li f’paġna 24 hu jirrikonoxxi wkoll li kien hemm nuqqasijiet. Għaldaqstant, filwaqt li ma jista’ jaqbel qatt ma’ nuqqasijiet li setgħu saru f’dak il-lejl, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Gvern u t-tmexxija ta’ San Vinċenz ma jistgħux jabdikaw mir-responsabbiltajiet tagħhom.

Fil-fatt, l-Imhallef jagħmel diversi rakkomondazzjonijiet fir-Rapport tiegħu, fosthom li jkunu delinejati l-kriterji li jintużaw mill-Multiplinary Disciplinary Team biex jiddeċiedu dwar il-kundizzjoni tal-pazjent u f’liema sala jitpoġġa, li l-iStandard Operating Procedures ta’ San Vinċenz għandhom ikunu aġġornati, li jkunu delinejati tajjeb ir-rwoli tal-Carers, Health Workers u Infermieri, kif ukoll li l-Management u l-istaff jipprovaw jifhmu lil xulxin u lis-sitwazzjoni li qed jaħdmu fiha fl-interess tagħhom u anke tal-pazjenti.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Gvern m’għandux ikompli jdaħħal rasu fir-ramel u jibda billi l-ewwel jammetti li jeżistu diversi problemi f’San Vinċenz, fosthom in-nuqqas ta’ Infermieri. Il-Gvern ma jistax jibqa’ jgħid li m’hemmx falliment fis-sistema meta r-Rapport tal-Imhallef jirrikonoxxi li kien hemm u fl-istess waqt biddel lil San Vinċenz f’ħabs, b’numru ta’ kumpanniji ta’ sigurtà li ntalbu jipprovdu s-servizzi tagħom, u bi strutturi ġodda li għalqu kull aċċessibbiltà.
Jeħtieġ li l-Gvern jaġixxi minnufih biex l-anzjani f’San Vinċenz de Paule jkunu protetti u trattati b’dinjità.