Hu tajjeb li jinstabu mezzi alternattivi ta’ trasport, partikolarment dawk li ma jniġġsux, bħall-e-scooters. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-karba tal-poplu li, filwaqt li dawn il-mezzi għandhom ikunu affordabbli u jintlaħqu minn kulħadd għal użu wiesgħa, ikunu regolati b’mod li is-sigurtà tkun garantita għal minn jużahom u anke għall-bqija tal-poplu, filwaqt li ma jinħoloq l-ebda inkonvenjent, b’mod partikolari għall-persuni b’diżabbiltà, li għandhom id-dritt jipparteċipaw b’mod sħiħ u attiv fis-soċjetà.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa llum mill-PN.
Fl-aħħar ġimgħat rajna kif numru ta’ e-scooters qed ifixklu milli dan iseħħ, speċjalment meta dawn jitħallew fuq il-bankina u allura, jnaqqsu jew jostakolaw l-aċċessibbiltà tal-bankini.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jemmen li hu meħtieġ ukoll li l-Gvern iniedi minnufih kampanja edukattiva li tiżgura l-għarfien u r-rispett fl-użu tagħhom. Dan filwaqt li jissaħħaħ minnufih l-infurzar tal-Liġi u r-regolamenti eżistenti, kif ukoll ta’ dawk li għandhom ikunu introdotti mingħajr aktar dewmien.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li għandu jkun hemm konsegwenzi ċari u effettivi għal min jikser il-Liġi, jabbuża is-sistema u jikkawża periklu jew inkonvenjent lil terzi. Hu għalhekk li se jniedi proċess ta’ konsultazzjoni biex jitħejjew proposti f’dan is-sens, ladarba l-Gvern abdika għal darba oħra mir-responsabbiltà tiegħu.
L-istqarrija inħarġet mid-deputati Nazzjonalisti Adrian Delia, Rebekah Cilia, Eve Borg Bonello, Janice Chetcuti u Graziella Galea.
//= $special ?>