Internazzjonali

Imbassar maltemp qalil f’xi bnadi tar-Renju Unit

Għargħar u maltemp kbir huma mistennija li jolqtu aktar zoni tar-Renju Unit, bl-Ingilterra u Wales imbassar li jkunu l-aktar milquta. It-Tnejn Devon u Cornwall diġà ntlaqtu minn xita bir-ragħad, b’dan it-temp mistenni jkompli jippersisti.

F’zoni partikolari diġà ħarġu għadd ta’ twissijiet għall-attenzjoni filwaqt li l-awtoritajiet jinsabu fuq allert għal dak li jista’ jinqala’. Fl-aħħar sigħat kien hemm ħsarat fil-provvista tal-elettriku f’għadd ta’ zoni filwaqt li f’xi bnadi kien hemm dewmien tal-mezzi tat-trasport, bis-servizz tal-ferrovija u tal-linja ikun sospiż għal xi ħin.

It-tramuntana tar-Renju Unit mistennija tkun milquta mix-xita, filwaqt li fl-Irlanda ta’ Fuq it-temp mistenni jibqa’ bnazzi.

Esperti meterjoloġiċi qed ibassru maltempati bir-ragħad, dan hekk kif wara n-nixfa kbira li laqtet lill-Ingilterra fl-aħħar ġimgħat, bit-temperatura taqbeż sew it-30 grad Celsius, ħafna xita taf twassal għal aktar ħsara milli ġid.

It-temperatura mistennija li tinżel xi ftit, madankollu, previst li xorta waħda f’xi zoni tilħaq is-27 grad Celsius.