Lokali

Imfakkar it-tmienja u ħamsin xahar mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

It-Tlieta filgħaxija fil-Belt Valletta saret ċerimonja li matulha kien imfakkar it-tmienja u ħamsin xahar mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fid-diskors tagħha l-Viċi President tal-għaqda Repubblika Alessandra Dee Crespo qalet li l-Prim Ministru Robert Abela ma jridx iwettaq ir-rakkomadazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika li ġiet ippubblikata iktar minn sena ilu. Abela wiegħed riforma fil-ġurnaliżmu imma l-ġurnaliżmu pubbliku għadu maħtuf.

Min-naħa tagħha, l-attivista u cartoonist Miriam Galea qalet li l-mewt ta’ Daphne kienet traġedja li xxukjat lil kulħadd… assassinju li seraqna minn pinna niggieża u brillanti. Iżda din kienet mewt li welldet għaqda bejn nies tal-istess fehma u biex ikunu mħarsa drittijiet li huma mhedda. Hija qalet li qatt iktar mhu se jibqgħu siekta quddiem ħażen sfaċċat u inkompetenza grassa.

Il-kittieb Andre Delicata qal li llum il-ġurnata qed niġġieldu kontra grupp ta’ kriminali mingħajr skrupli li l-istat għamluh tagħhom… li qed jikkontrollawh bir-riżorsi kollha tiegħu fejn kull riżorsa qeqd tiġi sfruttata għall-eżiġenza tagħhom. Huwa appella sabiex qatt ma jieqfu jitkellmu dwar il-verità għax ġurnalista ġiet assassinata sabiex il-verità ma toħroġx u konsegwenza ta’ dan, Malta spiċċat inħatfet. Fakkar kif għaddew ħames snin u għadha ma saritx ġustizzjoni għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Andre Delicata qal li Robert Abela m’għamel xejn u kompla fuq dak li għamel il-predeċessur tiegħu. Huwa insista li immedjatament għandhom jitwettqu l-implimentazzjonijiet li ħarġu mir-rakomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika.

Min-naħa tagħha n-neputija ta’ Daphne Caruana Galizia, Amy Mallia, fid-diskors tagħha qalet li huwa ta’ qsim il-qalb kull darba li tiftakar x’kien seħħ dakinhar tas-16 ta’ Ottubru tal-2017. Hija rreferiet għall-uġigħ ta’ qalb li jgħaddu minnu t-tfal, ir-raħel, il-ġenituri u l-qraba ta’ Daphne kull darba li jitilgħu l-Qorti u ftit metri ‘l bogħod minnhom ikun hemm dawk il-peruni akkużati bil-qtil tagħha. Amy Mallia qalet li għaddew tmienja u ħamsin xahar mill-qtil taz-zija tagħha u għadha ma saritx ġustizzja kif suppost.

L-attivista u kittieba Kristina Chetcuti qalet li llum il-ġurnata tħares madwarha u ħlief bloko tal-konkrit ma tarax… tiftaħ il-gazzetta u ħlief stejjer ta’ kif Joseph Muscat kien imdaħħal f’atti kriminali ma tarax. U quddiem dan kollu tistenna li l-istituzzjonijiet u l-Pulizija jieħdu azzjoni, imma dawn, il-biċċa l-kbira tagħhom, mimlijin nies igawdu u jixorbu mit=tazza tas-serenita. Fakkret kif Daphne, il-ħin ta’ stennija ta’ kinitx teħlih… kienet tużah biex tiġġieled kontra l-kruha ta’ kull tip. Kristina Chetcuti qalet li huwa l-almu tagħna li nħeġġu liż-żgħażagħ jesploraw pajjiżi oħra għax huwa b’hekk biss li xi darba pajjiżna jista’ joħroġ minn daċ-ċirklu qerried.