Internazzjonali

Ir-Russja takkuża lill-Ukreni

BBC News

Ir-Russja qed tgħid li l-Ukrajna hija responsabbli għall-attakk fil-Krimea. Dan wara li fl-aħħar ġimgħa seħħew bosta splużjonijiet fil-Krimea, u diversi żoni sofrew attakki. Barra minn hekk kien hemm ukoll bosta attakki fuq l-ajruplani tal-Gwerra tar-Russi ibbażati fil-kosta tal-Krimea; ajruplani li ġarrbu ħsarat kbar.

L-Ukrajna qatt ma qalet jekk kinitx hi l-moħħ wara dawn l-attakki.

Minn naħa l-oħra, l-Ministeru tad-Difiża Russa qal li kien hemm nirien illi bdew f’sit ta’ ħażna għall-munizzjon u l-kawża ta’ dawn in-nirien għadha qed tiġi investigata. Il-Ministeru tad-Difiża ta’ Moska qal li ħadd ma’ sofra minn ġrieħi serji, iżda madwar 2,000 ruħ li jgħixu f’villaġġ qrib kienu rilokati.

Ir-Russja bħalissa qed tikkontrolla ż-żoni ta’ Kherson u Zaporizia u l-Ukrajna qed tisħaq li lesta tipprepara attakki sabiex tieħu lura dawn iż-żewġ żoni.

Minn Ġunju li għadda, l-Ukrajna għamlet diversi attakki mill-ajru sabiex iddgħajjef s-saħħa tar-Russi. L-Ukreni rnexxielhom jeqirdu diversi pontijiet bejn Kherson u l-Krimea sabiex jagħmluha diffiċli għat-trasport  t’affarijiet neċessarji.

Dawn l-attakki tant kienu effettivi li diversi turisti raw l-isplużjonijiet minn fuq il-bajja u l-filmati spiċċaw fuq il-mezzi soċjali. Dan għaliex il-Krimea, anke f’dawn il-ġimgħat, baqgħet destinazzjoni popolari mar-Russi għall-vaganzi tagħhom.